Friday, May 1, 2026

‘Meta kulħadd jaħdem flimkien u jemmen, kollox huwa possibbli’ – Steve Debono

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-promozzjoni storika ta’ Birżebbuġa St Peter’s FC għall-ogħla livell tal-futbol Malti ma ġietx b’kumbinazzjoni. Wara staġun mimli sfidi, tensjoni u mumenti ta’ dubju, it-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta rnexxielhom jiktbu paġna ġdida fl-istorja tagħhom meta għelbu lil Swieqi United FC fil-play-off deċiżiv.

Iżda wara dan is-suċċess hemm ħafna xogħol sieket u wieħed mill-protagonisti ewlenin hu t-team manager, Steve Debono.

F’din l-intervista li ta lil dan is-sit, Debono jiftaħ qalbu dwar il-vjaġġ straordinarju li wassal lil Birżebbuġa sal-Malta Premier League, il-mumenti diffiċli li għaddew minnhom u s-sigriet wara dan is-suċċess.

“Is-sigriet kien wieħed ċar, bla dubju hija l-għaqda,” beda jgħid Debono. “Kien hemm għaqda kbira bejn kulħadd: il-klabb, il-plejers, il-kumitat u l-partitarji li dejjem kienu warajna. Dik kienet l-akbar forza tagħna.”

Debono ma jaħbix li dan kien staġun iebes fil-BOV Challenge League. “Kien kampjonat diffiċli ħafna, b’timijiet ta’ livell tajjeb. Kull logħba kienet battalja. Imma aħna konna konsistenti, u dik għamlet id-differenza kollha.”

Fil-fatt, Birżebbuġa baqgħu jemmnu sal-aħħar, anke meta t-tama dehret li qed tonqos. “Sa ġimgħa qabel spiċċa l-kampjonat, kellna draw ta’ 3-3 kontra Balzan FC. Dak il-mument naqqas ftit it-tama, imma xorta bqajna nemmnu.”

Hu jfakkar ukoll kif l-aħħar ġimgħat kienu mimlijin drama. “Fl-aħħar logħba tal-kampjonat, kien hemm żelqa minn Swieqi kontra Fgura United FC, waqt li aħna għamilna xogħolna u rbaħna lil Sirens FC. B’hekk sfurzajna d-decider.”

Waħda mill-aktar affarijiet li Debono saħaq fuqha kienet il-mentalità tal-grupp matul l-istaġun kollu. “Kellna mumenti fejn setgħet faċilment tinħoloq pressjoni kbira fuq il-plejers, speċjalment meta r-riżultati ma kinux dejjem kif xtaqna. Imma dejjem ippruvajna nżommu saqajna mal-art u niffukaw fuq logħba waħda kull darba. Il-messaġġ tagħna kien sempliċi, li ma nagħtux kas wisq tal-pressjoni ta’ barra u nibqgħu naħdmu flimkien bħala familja waħda.” Hu żied jgħid li anke fil-mumenti diffiċli, il-grupp baqa’ magħqud.

“Kien hemm rispett kbir bejn kulħadd, u dan jgħinek tegħleb kull ostaklu. Meta jkollok dressing room b’saħħitha mentalment, tista’ tgħaddi minn kull sitwazzjoni, anke meta l-affarijiet ma jmorrux kif ippjanat.”

Il-konfront kontra Swieqi kien wieħed bilanċjat ferm. “Swieqi huma tim validu ħafna. Il-logħba kienet magħluqa u setgħet marret kull naħa. Il-plejers tagħna taw kollox.”

Fl-aħħar mill-aħħar, kollox ġie deċiż mill-penalties. “Il-penalties huma lotterija. Din id-darba x-xorti kienet magħna. Għandna nkunu onesti, Swieqi kienu jistħoqqilhom ukoll, imma xi ħadd kellu jirbaħ u ħaddieħor kellu jitlef.”

Debono jinsisti li din il-promozzjoni kienet mistħoqqa. “Naħseb li ħaqqna din il-promozzjoni. Ħdimna ħafna għaliha u urejna konsistenza tul l-istaġun kollu.”

Dan is-suċċess għandu sinjifikat speċjali għal Birżebbuġa. “Ktibna l-istorja. Għall-ewwel darba, Birżebbuġa se jilagħbu fil-Premier. Dan huwa mument li jibqa’ mniżżel fil-kotba tal-klabb għal dejjem.”

Huwa ma naqasx milli jirringrazzja lil dawk kollha involuti. “Nixtieq nirringrazzja lill-president Joseph Fenech u lill-viċi president Peter Cachia. Grazzi wkoll lill-kowċ u lill-istaff tekniku għax flimkien għamilna storja.”

Minkejja l-ferħ, Debono wera rispett lejn it-timijiet l-oħra. “Nixtieq nawgura lil Balzan li saru champions. U lil Swieqi, tim tajjeb ħafna li sfortunatament ma rnexxielux jagħmilha imma li għandhom futur sabiħ quddiemhom.”

Għal Debono personalment, dan il-vjaġġ għandu tifsira speċjali. “Dan kien it-tielet staġun tiegħi bħala team manager ta’ Birżebbuġa. Meta bdejna, konna fl-Amateur League 1, tim normali li konna qed nissieltu mat-timijiet ta’ fuq.”

Hu jfakkar kif kollox beda bil-mod. “Fl-ewwel staġun ġejna fit-tmien post, meta kien jitla’ tim wieħed biss. Imbagħad irbaħna l-kampjonat tal-Amateur League u issa komplejna telgħin pass pass.”

Dan jagħmel is-suċċess aktar sinjifikanti. “Jien bdejt mill-qiegħ ma’ dan il-klabb, u llum wasalna sal-Premier. Dan ma jiġix waħdu anzi jiġi b’għaqal, paċenzja u ħafna xogħol.”

Ir-rwol ta’ team manager mhux dejjem jidher, iżda huwa kruċjali. Debono jispjega li xogħlu huwa li jkun ta’ pont bejn kulħadd. “Inkun il-konnessjoni bejn il-plejers u l-istaff tekniku. Inkun hemm biex ngħin fejn hemm bżonn, kemm f’affarijiet amministrattivi kif ukoll fil-parti umana.”

Huwa jemmen li l-ambjent huwa kollox. “Jekk għandek dressing room magħquda, tista’ tasal ’il bogħod. U aħna kellna eżatt hekk.”

Minkejja l-promozzjoni, l-istaġun għadu ma spiċċax. Birżebbuġa għandhom quddiemhom finali importanti tal-BOV Challenge Cup kontra Melita FC.

“Il-finali hija 50/50 kif jgħidu bl-Ingliż,” jgħid Debono. “Se tkun logħba diffiċli, imma rridu nagħlqu dan l-istaġun b’unur ieħor. Dik hija l-mentalità tagħna.”

L-istorja ta’ Birżebbuġa mhix biss waħda ta’ promozzjoni, iżda ta’ perseveranza, għaqda u viżjoni fit-tul. Taħt il-gwida ta’ nies bħal Steve Debono, il-klabb mhux biss tela’ fil-Premier, iżda bena pedament sod għall-futur.

U kif jgħid hu stess: “Meta kulħadd jaħdem flimkien u jemmen, kollox huwa possibbli!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport