Friday, May 1, 2026

‘Xtaqt nirtira mill-handball meta nkun għadni nħossni relevanti u kompetittiv u għall-grazzja t’Alla stajt inwettaq dan’ – Daniel Tanti Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Daniel Tanti Farrugia – infubbjament wieħed mill-aqwa players li jilgħab fir-rwol ta’ goalkeeper li pproduċa l-handball lokali f’dawn l-aħħar snin. Proprju fl-aħħar jiem huwa ħabbar li se jkun qed jirtira minn player, waqt li se jkun qed jieqaf ukoll għal xi żmien mill-kowċing.

Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Daniel innifsu fejn tana iktar dettalji:

“Id-decizjoni ilni li ħadtha numru ta’ xhur. Għalkemm inhoss li stajt nibqa’ nagħti kontribut għal numru ta’ snin ħassejt li kien wasal il-mument fejn naqta’ mil-logħba. Wara kontribut ta’ ‘l fuq minn 20 sena fl-isport, fejn kien ta’ unur għalija li nirbaħ unuri individwali imma iktar minn hekk unuri fit-timijiet li lgħabt magħhom, li kelli x-xorti li nilgħab għal tliet staġuni barra minn Malta u li nirrapreżenta lil pajjiżna, ħassejt li din il-logħba li tant inħobb kont qed nesperjenzaha b’mod differenti għal diversi fatturi li ma kinux jiddependu minni.

Għalhekk, iddeċidejt li nirtira mil-logħba indoor. Madankollu ħa nkun xorta qed nipprova nipparteċipa fil-beach handball f’dawn iż-żewġt isjuf anke għaliex din id-dixxiplina għandha kulturá u amministrazzjoni kemmxejn differenti minn dak li nsibu fil-logħba indoor. Fl-aħħar mill-aħħar xtaqt nirtira mill-handball meta nkun għadni nħossni rilevanti u kompetittiv u għall-grazzja t’Alla stajt inwettaq dan meta sal-aħħar staġun bqajna nissieltu għal kull unur fejn bħala tim irnexxielna anke nirbħu n-Knock Out mingħajr problemi fiziċi.

Filwaqt li kont diġá qiegħed nikkowċja fit-tim tan-Nisa ta’ Kavallieri Handball Club, is-Sibt li għadda kkomunikajt lit-tim li ħa nkun qed nieqaf għal xi żmien mill-kowċing ukoll. Din ma kinitx decizjoni faċli għax il-kowċing huwa passjoni għalija u minkejja xi diffikultajiet ta’ injuries, kien irnexxielna nibnu tim b’karattru sod u għalkemm kellna etá medja baxxa, irnexxielna nibqgħu nagħtu l-almu kollu tagħna matul l-istaġun billi wasalna sal-finali tan-knock out u s-super cup. L-għan tiegħi huwa li nibqa’ ngħin minn wara l-kwinti billi nassisti l-kowċis fil-klabb kif nista’, eżempju permezz ta’ analiżi tal-logħob. 

Ninsab ukoll ħerqan li jkolli iktar opportunitá li nipprova ngħin ukoll fis-settur taż-żgħażagħ.

L-għan tiegħi huwa li f’dan is-sajf u f’li jmiss niffoka fuq logħob mat-tim tal-irġiel u kowċing mat-tim tan-nisa tal-beach handball bil-għan li nippruvaw nikkwalifikaw għall-Mediterranean Beach Games. Kif semmejt qabel, il-beach handball għandu kulturá u stil amministrattiv daqsxejn differenti minn dak tal-logħba indoor u sakemm ikun struttura u ambjent san inkun dispost li nibqa’ nipprova nirrapreżenta lil pajjiżi.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport