Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l OCR?
Dan l-isport beda jogħġobni meta kont immur m’ommi l-gym fejn hi apparti eżercizzju ieħor, kienet tittrenja l-OCR u flimkien ma’ sħabha tal-gym kienu jieħdu sehem f’avvenimenti bħal ‘The Grid’ u ‘Spartan’.
X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb għalkemm għadek ta’ età żgħira?
L-ikbar suċċess li kelli s’issa kien li ġejt fit-tielet post tan-National OCR League tas-sena l-oħra, tal-2025. Dan filwaqt li s-sena l-oħra, irnexxieli niġġieled għat-tieni post tal-grupp tal-etá 9-11 sena fil-Grid Kids tal-2025.
Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li diġá għandna livell tajjeb ħafna kemm fil-kategorija tal-‘youths’ u anke f’tal-adulti. Dan jidher sewwa fir-riżultati tal-OCR European Championships kif ukoll fl-OCR World Championships, fejn xi wħud minn sħabi wkoll irnexxielhom jieħdu podiums is-sena l-oħra.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Jien nittrenja l-OCA, fejn apparti li għandna diversi ostakli fejn aħna nistgħu nittrenjaw u nippreparaw ruħna għat-tigrijiet, din is-sena l-OCA introduċew il-korsa tal-100m. Jien nitqies fortunat għax huma ftit dawk il-pajjiżi li għandhom il-korsa tal-100m fissa fejn aħna nkunu nistgħu nittrenjaw b’ħafna flessibiltá.
Jien nixtieq illi l-bini li qed jinbena ma jibqax jiżdied b’din ir-rata mgħaġġla għax b’hekk qed jonqsu postijiet fejn nistgħu niġru f’moghdijiet u trejqiet qalb in-natura.
Kif qed tħares lejn il-futur tieghek fl-OCR?
Jien nispera li jkolli l-opportunitá li nibqa’ nittrenja f’din id-dixxiplina mal-kowċis mill-aqwa biex jien dejjem nibqa’ nitjieb. F’inqas minn xahar ieħor ħa nkun qed nirrapreżenta lil Malta f’Irun, Spanja flimkien ma’ atleti Maltin sħabi oħra. Hemm ħa nkunu qed nieħdu sehem fl-OCR Euopean Championships, kif ukoll f’Awwissu ħa nkunu qed nipparteċipaw f’Limerick għal OCR Worldwide Championships.
Jien nispera wkoll li ‘l quddiem jirnexxieli nikseb suċċessi kbar anke barra minn Malta u iktar ‘il quddiem nixtieq li nilħaq kowċ tal-OCR fejn nkun nista’ naqsam dak li tgħallimt jien f’din id-dixxiplina ma’ tfal u żgħażagħ oħra.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-OCR.
Jien nagħmel kuraġġ lil kull min iħobb l-avventura u jkun attiv. L-OCR huwa dixxiplina li juża l-ġisem kollu, kif ukoll il-moħħ għax hemm bżonn ta’ ħafna kordinazzjoni tal-ġisem u l-moħħ. Dan l-isport imiss ma’ diversi dixxiplini oħra, perezempju l-ġiri. Apparti li fl-OCR nitgħallmu nkunu dixxiplinati, huwa wkoll sport fejn nieħdu gost għax ir-rotot tal-tlielaq dejjem ikunu differenti u għalhekk ikun hemm ukoll dak il-fattur ta’ sorpriża li jgiegħlna dejjem inkunu lesti għal kollox.


