Friday, May 1, 2026

100 sena l-Ewwel ta’ Mejju 

Aqra wkoll

L-ewwel ta’ Mejju, ċelebrazzjoni tal-ħaddiema, ċelebrazzjoni tax-xogħol f’pajjiżna. Festa li fiha niċċelebraw il-kisbiet li saru tul is-snin b’risq kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol. Festa li tfakkar l-oqsma tax-xogħol f’pajjiżna inbidlu, kif ix-xogħol f’pajjiżna tkattar u kif qed immexxu t-triq ‘l quddiem. 

Mitt sena ilu, pajjiżna kien f’qagħda ferm differenti. Kien pajjiż li kien maħkum mill-barrani, il-ħaddiema qajla kellhom drittijiet u x-xogħol f’pajjiżna kien neqes. Il-kundizzjonijiet tal-poplu kienu f’qagħda ħażina iżda ir-rieda tal-bidla u titjieb fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kienet bdiet tixgħel.

Kontra kull kurrent, din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata. Beda jiġi mmarkat jum li fiħ kien qed jintbagħat messaġġ b’saħħtu favur aktar drittijiet tal-ħaddiema, favur għejxien aħjar u aktar opportunitajiet f’pajjiż li l-għejxien tiegħu kien jiddependi mill-gwerrer ta’ ħaddieħor. 

Reżistenza kbira

L-ewwel ħaddiema Maltin li bdew jiċċelebraw dan il-jum sabu reżistenza kbira. Ġew ittimbrati li huma xi rivoluzzjonarji, li kienu nies kontra s-sewwa fis-soċjetà. Kien hemm min l-istatus quo kien ta’ benefiċċju għalih u ma riedx li jara t-tisħiħ tat-taqbida għall-bidla u politika progressista. 

Illum mitt sena wara inħarsu lura lejn l-istorja u naraw differenzi kbar li ma ġewx mix-xejn. Differenza li tirriżulta minn tant saġrifiċċji ta’ dawk il-mexxejja, politiċi, trejdjunjonisti u oħrajn li ħadmu bi sħiħ biex inkisbu d-drittijiet tal-ħaddiema u l-qagħda tajba li għandna llum. 

Matul is-snin rajna lil pajjiżna jinbidel minn pajjiż li qajla kellu xogħol x’joffri għall-pajjiż li għandu rata ta’ ħolqien ta’ xogħol li tiżboq lil pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Pajjiż li sas-snin sittin kellu jara lil uliedu jitilqu minn Malta biex isibu x-xogħol lil hinn minn artna għall-pajjiż li għandu bżonn li jġib ħaddiema minn pajjiżi oħra biex insostnu l-attività ekonomika b’saħħitha li għandna. 

Drittijiet ġodda 

Pajjiż li ra l-introduzzjoni ta’ bosta drittijiet tul is-snin fosthom il-kunċett ta’ paga minima, pagi indaqs għan-nisa u l-irġiel, għajnuna għal min ikun marid u ma jistax jaħdem, pensjoni għal min jispiċċa bl-età mix-xogħol. Benefiċċji oħra bħal leave bi ħlas, leave tal-maternità, leave għal meta xi ħadd jitlef lil xi għadd minn qrabatu u bosta għajnuniet oħra. 

Apparti l-aspett finanżjarju li qed jassigura dħul akbar għall-ħaddiema speċjalment permezz ta’ numru kbir ta’ fteħim kollettiv li qed jagħtu kundizzjonijiet aħjar, matul is-snin rajna t-titjib fil-kundizzjonijiet fejn tidħol saħħa u siġurtà fuq il-post tax-xogħol. 

It-triq ‘il quddiem

Illum qed nitkellmu u nwettqu aktar miżuri biex ikun hemm aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja ta’ persuna. Qed jiġu implementatati aktar miżuri marbuta ma’ well being filwaqt li qed jissaħħaħ l-impenn favur it-tħaris tas-saħħa mentali tal-poplu kollu inkluż tal-ħaddiema. 

It-triq ‘l quddiem hija bbażata fuq ħidma biex inkomplu naġġornaw lil pajjiżna u l-oqsma kollha tax-xogħol fid-dawl tal-bidliet kbar li qed iseħħu ta’ kuljum il-ħin kollu b’teknoloġija dejjem aktar avvanżata u firxa akbar tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali. 

Pajjiżna irnexxilu jagħmel kisbiet kbar kontra kull kurrent u dan qed niċċelebrawħ fl-Ewwel ta’ Mejju. Illum mhux mument li nfakkru biss dak li nkiseb tul is-snin iżda li nuru d-determinazzjoni tagħna għaż-żmien li ġej biex pajjiżna, il-ħaddiema kollha jibqgħu jaraw avvanz u pajjiżna jibqa’ jirreġistra progress. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport