Attivisti favur il-kawża Palestinjana qalu li 22 dgħajsa li kienu jagħmlu parti minn Gaza Flotilla ġew interċettati mill-Forzi Iżraeliti hekk kif kienu fl-ibħra internazzjonali qrib il-gżira ta’ Kreta.
Abbord fuq dawn id-dgħajjes kien hemm 175 attivist li kollha ġew arrestati minn Iżrael. Huma kienu qegħdin iġorru għajnuna umanitarja lejn Gaza hekk kif ħafna għajnuna għadha mhix qiegħda tasal.
L-organizzaturi tal-Global Sumud Flotilla qalu li l-azzjoni ta’ Iżrael hija “ħtif ta’ bastimenti” li kienu jinsabu fl-ibħra internazzjonali. Qalu li huma kienu madwar 965 kilometru ‘l bogħod minn Gaza. Flotilla qalu li Iżrael mill-ġdid qiegħed jikser il-liġi internazzjonali.
Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iżraelit qal li l-attivisti ġew arrestati għax kienu qegħdin iwettqu “PR stunt” biex jiġbdu l-attenzjoni tal-midja. Stqarr li huma telqu mill-Greċja nhar il-Ħamis li għadda u mill-ewwel ġew interċettati.


