Friday, May 1, 2026

Rosianne Cutajar tiltaqa’ mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-GWU

Inħarsu lejn titjib fil-well-being tal-ħaddiema u l-familji tagħna 

Aqra wkoll

Fi żjara li għamlet il-membru parlamentari Rosianne Cutajar lill-amministrazzjoni l-ġdida tal-General Workers’ Union ġew diskussi diversi temi li jolqtu lill-ħaddiema u l-familji, speċjalment temi soċjali. Issemmew is-suċċessi li seħħew matul dawn l-aħħar snin kif ukoll il-ħidma li trid tkompli ssir biex tingħata aktar għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn. 

Fosthom issemmew id-diffikultajiet li jaffaċċjaw uħud biex ikollhom id-dar tagħhom, biex ikollhom akkomodazzjoni affordabbli, il-vittmi tal-vjolenza domestika, il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.  

“Il-GWU filwaqt li kienu attivi ħafna fil-konsultazzjonijiet relatati mat-tisħiħ ta’ diversi tipi ta’ leave, fosthom dak tal-paternità, il-parental bereavement leave u l-introduzzjoni tal-miscarriage leave imħallas, kif ukoll jissapportjaw il-ħidma li qed issir biex ikompli jissaħħu, jipproponu li jsiru aktar diskussjonijiet fuq l-idea li tinħoloq struttura permezz ta’ fond li jkun qed jgħin lill-ħaddiema li jkollom każi speċifiċi sabiex dawk milquta jkollom sostenn kontinwu, hekk kif uħud mis-sitwazzjonijiet diffiċli jibqgħu jinġarru għal żminijiet twal, saħansitra għal għomorhom,” qal is-Segretarju Ġenerali (designate) Kevin Camilleri. 

Il-membru parlamentari Rosianne Cutajar qalet li taqbel li x-xibka ta’ sapport għandha dejjem tkompli tissaħħaħ aktar, filwaqt li enfasizzat li r-responsabbiltajiet familjari għandhom jinqasmu fuq kulħadd, hekk kif għalkemm il-kultura nbidlet ħafna u sar progress, xorta waħda baqgħu jaqgħu ħafna responsabbiltajiet fuq in-nisa, kemm fil-ħidma fid-dar, fit-trobbija tat-tfal, u aktar tard għajnuna lill-ġenituri. 

“In-nisa tista’ tgħid li mhix biss jgħaddu minn fażi li joħorġu minnha hekk kif it-tfal ikunu kibru, għax imbagħad jidħlu fiċ-ċiklu fejn il-ġenituri tagħhom ikunu kibru u jeħtieġu l-għajnuna tagħhom. Nemmen li waħda mill-proposti ta’ inċentivi għandha tinkludi wkoll lil dawk l-ulied li jieħdu ħsieb il-ġenituri anzjani tagħhom li jkunu għadhom qed jgħixu fil-komunità,” saħqet Cutajar. 

Iddiskutew ukoll il-futur tax-xogħol fejn jidħol ir-remote working, il-flessibilità, it-32 hour week, ir-right to disconnect, ir-robotika, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġija, il-progress li jaffaċċja reżistenza bħal kull ħaġa ġdida li l-bniedem jaffaċċja. 

Is-Segretaru Ġenerali (designate) Kevin Camilleri saħaq fuq l-importanza li minbarra s-suġġetti akkamediċi, l-istudenti jingħataw ukoll lezzjonijiet dwar id-dinja tax-xogħol, id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom. Ħtiġijiet li se jiswew għall-futur tagħhom hekk kif meta nħarsu lejn l-edukazzjoni ta’ uliedna spiss qed jinħassu nuqqas ta’ skills importanti.  

“Jien qed nara li l-istudenti tagħna qed insaħħuhom fis-suġġetti akkademiċi, iżda mhux noffrulhom ċans jiżviluppaw l-argumenti tagħhom, dak li jissejjaħ critical thinking u dan jirrifletti b’mod negattiv fil-futur,” qal il-President tal-GWU Jason Deguara. 

Huwa semma’ wkoll l-importanza tal-kwalità aktar milli l-kwantità tal-ħin li l-familja tqatta’ flimkien, kemm bħala koppji flimkien kif ukoll il-ġenituri mal-ulied. 

Qal li ma jiswiex li kulħadd ikun id-dar, iżda kulħadd qed jagħmel xi ħaġa għalih. Iżda li b’affarijiet żgħar, imqar quddiem game-board il-familja tingħaqad kollha flimkien, tiltaqa’, u tkun hemm għal xulxin. 

Id-Deputat Segretarju Kevin Abela saħaq li filwaqt li aħna nħeġġu lill ħaddiema jkomplu jaġġornaw ruħhom permezz tat-teknoloġija u għodda, qegħdin inżommu lill-istudenti tagħna milli jitħarrġu fuqhom, milli jagħmlu r-riċerka.  

Rigward il-4-day week huwa qal li “Nemmen li jekk se nikkompressaw l-40 siegħa xogħol f’erbat ijiem, se nkunu qed noħolqu problema kbira. 

Minflok irridu nixtarru għaliex irridu l-4-day week, x’hemm wara din il-proposta u naħdmu fuqha,” qal Abela. 

Il-membru parlamentari qalet li hi temmen li qabel ma jiddiskutu l-4-day week, hemm ħafna benefiċċji li jistgħu jiddiskutuhom u jwettquhom bħall-flessibilità mingħajr riperkussjonijiet kbar. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport