Friday, October 11, 2024

STRESS TESTS

Aqra wkoll

Matul il-kriżi finanzjarja tal-2008-2012, saru sforzi kbar biex il-banek ma jitħallewx jikkollassaw. Irnexxew. Ġie deċiż li l-banek kellhom jiġu sorveljati biex minn kmieni l-problemi li setgħu jqumu jiġu affaċċjati. Għal dan inħolqu dak li jissejħu “stress tests”.

Dawn jikkonsistu filli jitfassal xenarju ta’ x’jista’ jiġri meta ħafna mill-kondizzjonijiet li fihom bank jopera jmorru għall-agħar sew. Jiġi stmat minn hekk kemm il-bank ikun preparat biex jilqa’ għall-gwaj.

Naħseb li wasal iż-żmien li “stress tests” jibdew isiru regolarment ukoll fuq l-infrastruttura ta’ pajjiż (provisti ta’ elettriku, ilma, drenaġġ, kumnikazzjoni…) ma’ firxiet kbar tal-Ewropa, inkluża Malta, qed jidher li l-infrastruttura mhijiex tilqa’ tajjeb għall-isfidi, biex insejħulhom hekk, li qed jinħolqu. Taż-żieda u bidla fil-popolazzjonijiet. Taż-żieda u bidla fil-fasla tal-konsum. U fuq kollox tal-klima: mhux biss is-sħanat kbar imma wkoll il-maltemp u l-għargħar, in-nirien, iċ-ċaqliq tal-mewġ, l-irjieħ qawwija…

SUSSIDJI

Qed jirriżulta li l-istima li għamel il-gvern ta’ kemm se jonfoq flus dis-sena fuq sussidji tal-enerġija kienet għolja ħafna ħafna. In-nefqa se tkun sostanzjalment anqas għax il-prezzijiet taż-żejt reġgħu niżlu għal li kienu qabel telqet il-gwerra tal-Ukrajna. B’hekk in-nefqa fuq sussidji naqset għax-xejn.

Dan se jibdel bil-kbir l-għażliet finanzjarji quddiem il-gvern. Jagħtih nifs biex jara jridx jisserva b’li ġara biex inaqqas id-deficit li se jkun qed iġorr jew jonfoqx xorta waħda dak li se jiġi qed “isalva” mis-sussidji. Forsi tkun ħaġa aktar prudenti li “jfaddal” dak li mhux se jonfoq. Jekk jiddeċiedi li xorta waħda se jonfqu, wieħed irid jara jekk din n-nefqa ssirx fuq investiment publiku jew fuq konsum akbar tal-gvern. Il-konsum tal-gvern diġà qed jiżdied b’rata li malajr tista’ ssir mhux sostenibbli.

BIDLIET

Il-bidliet fir-regoli taż-żona tal-ewro li qed jitkewsu mhumiex se jagħmlu xi differenza spettakolari fil-mod kif titmexxa ż-żona. L-aktar li jispikka fihom (u l-aktar li qajjem kontroversja) hu kif għandhom jiġi deċiżi l-miżuri korrettivi tal-pajjiżi li jkunu qed jiżgarraw.

Il-mod awtomatiku li bih suppost jitħaddmu dawn il-miżuri jrid jinbidel biex isir trattament li jkun addattat skont il-każ li jinqala’. Imma dan mhux se jdaħħal soġġettività politika perikoluża? Mhux xorta jrid ikun hemm xi miżura oġġettiva li titħaddem bla eċċezzjoni ta’ ħadd? Dwar hekk li qamu l-kwistjonijiet.

Fil-verità, anke sa issa ġieli ġara li r-regoli ta’ tmexxija ġew rispettati fuq il-karta biss (dejjem skont il-pajjiż li jkun). Id-dibattitu tant hu tekniku li involva l-aktar lill-ministri tal-finanzi u osservaturi politiċi u parlamentari Ewropej. Il-publiku in ġenerali xejn ma ta kas.

Sport