Haley Bugeja se tirritorna fil-futbol Taljan hekk kif se tiffirma ma’ Inter, ikkonfermaw Orlando Pride.
Bugeja, imwielda fl-2004, ħalliet lil Orlando Pride sena wara li għamlet id-debutt tagħha fl-American National Women’s Soccer League.
“Haley wriet maturità u professjonalità ferm lil hinn mis-snin tagħha waqt li kienet f’Orlando u napprezzaw li kellna lilha bħala membru tal-familja tagħna f’Orlando Pride,” qalet il-VP tal-Operazzjonijiet tal-Futbol u l-Manager Ġenerali tal-Club Haley Carter lill-websajt tal-klabb.
“Kien importanti għalina li nieġdu t-tajjeb minnha u ngħinu biex nidentifikaw opportunità fejn tista’ takkwsita aktar ħin ta’ logħob u tkompli l-iżvilupp tagħha ġewwa u barra l-grawnd. Nawgurawha l-aqwa xorti f’dan il-kapitlu li jmiss tal-karriera tagħha.”
Fl-Istati Uniti, Bugeja lagħbet biss 139 minuta f’ ħames logħbiet bejn it-tieni parti tal-istaġun tal-2022 u l-pewwel parti tal-istaġun tal-2023.
L-aħħar dehra tagħha mal-klabb kienet fil-11 ta’ Mejju meta l-eks plejer ta’ Mġarr United lagħbet mill-bidu fit-telfa ta’ 4-2 kontra Washington Spirit fl-NWSL Challenge Cup.
Bugeja saret l-iżgħar plejer tal-Pride meta ddebuttat fl-NWSL, f’Settembru li għadda. Hija daħlet bħala sostituta f’partita kontra North Caroline Courage.
Fil-proċess, hija saret ukoll ir-raba’ l-iżgħar plejer li lagħbet fl-NWSL.
“Nixtieq nirringrazzja lill-Orlando Pride u lill-partitarji għal sena mill-isbaħ f’din il-belt u ma’ dan it-tim. Kbirt ħafna bħala plejer u bħala persuna,” qalet Bugeja.
“Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Klabb tax-xogħol li għamlu biex jgħinuni, mhux biss bħala plejer, iżda wkoll biex nagħmel da nil-pass li jmiss fil-karriera tiegħi. Jien dejjem se nkun partitarja ta’ dan it-tim!”
Inter se jsir it-tieni klabb Taljan ta’ Bugeja wara li lagħbet ma’ Sassuolo bejn l-2020 u l-2022.
Ma’ sassuolo, b’kollox, hija skorjat 15-il gowl f’36 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha inkluż wieħed fl-aħħar logħba tal-istaġun 2021/2022 f’rebħa ta’ 2-1 kontra l-klabb il-ġdid tagħha, Inter.
Hija mistennija tingħaqad mal-pre-season ta’ Inter fl-aħħar stadji ta’ Lulju taħt il-gwida tal-eks kowċ ta’ Juventus Rita Guarino.
L-istaġun li għadda, Inter tilfu post fiċċ-Champions League tan-Nisa wara li spiċċaw fil-ħames post fil-kampjonat Taljan.