Il-player internazzjonali Maltija Haley Bugeja ngħaqdet ma’ Orlando Pride fin-National Women’s Soccer League tal-Istati Uniti.
Hija ffirmat kuntratt ta’ sena u nofs mal-club ibbażat fi Florida.
Bugeja, li se tilbes il-flokk numru 7, u mistenni tkun disponibbli għall-għażla tal-Pride mix-xahar id-dieħel meta l-club ikun diġà fit-tielet xahar tal-kampanja tiegħu fl-2022 NWSL.
Il-kampjonat NWSL 2022, il-kampjonat primarju tal-Istati Uniti fil-futbol tan-nisa, beda f’April u se jibqa’ għaddej sa Ottubru.
Kuntrarjament għal bosta kampjonati tan-nisa madwar l-Ewropa, iċ-champion tal-NWSL huwa determinat permezz ta’ play-offs ta’ wara l-istaġun li se jintlagħbu matul ix-xahar ta’ Ottubru.
Ma’ Pride, Bugeja se tkun qed tingħaqad mal-captain tal-club u l-istilla Brażiljana Marta – sitt darbiet rebbieħa tal-FIFA Player tas-Sena bejn l-2006 u l-2018.