Thursday, April 25, 2024

L-attakki terroristiċi fi Franza li kienu xxukkjaw lid-dinja … sentenza ta’ ħabs għat-terrorist li baqa’ ħaj

Kien tkellem magħna wieħed minn dawk li ntlaqat u nqafel fi spazju ristrett ma’ ħafna oħrajn

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-attakk terroristiku li kien ixxokkja id-dinja f’Novembru tas-sena 2015, liema attakk kien twettaq f’diversi żoni fosthom bars, ristorant u fl-istabbilment Bataclan f’Pariġi, kellu żvolta fl-aħħar sigħat u dan hekk kif l-aggressuri instabu ħatja fuq akkużi ta’ terroriżmu u qtil.

Fil-fatt wieħed mill-irġiel, ingħata sentenza ta’ għomru l-ħabs, hekk kif instab ħati li fl-attakk qatel mija u tletin persuna. Quddiem il-Qorti Franċiża ġew akkużati wkoll dsatax-il raġel ieħor, li sitta minnhom huma mejta. Dawn ukoll weħlu sentenza ta’ ħabs. Ta’ min jgħid li dan il-ġuri, li huwa l-akbar wieħed li qatt rat il-Qorti Franċiża moderna, beda f’Settembru li għadda.

It-terrorist Salah Abdeslam ingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs waqt li dsatax-il persuna oħra nstabu ħatja li kellhom xi rwol fl-attakki terroristiċi.  

Salah Abdelsam kien parti mill-attakk fuq il-kunċert ta’ Eagles of Death Metal li għalih attendew 1,500 ruħ fit-teatru Bataclan. Dakinhar kienu inqatlu 130 persuna. 

Proprju ftit jiem biss wara li kien seħħ dan l-attakk, kien tkellem magħna Amauri, persuna li kien flimkien mat-tfajla tiegħu fil-Bataclan. Hu kien reġa’ tkellem magħna sena wara, meta din l-istess koppja kellhom tarbija. 

Sena wara dan l-attakk, Amauri meta mistoqsi mill-gazzetta IT-TORĊA qalilna li “llum jien missier ta’ tifla sabiħa. Issa dak li ġara s-sena li għaddiet m’għadux qed jaffettwani”.

Amaury kien tkellem magħna ftit jiem biss wara li seħħ l-attakk, liema kummenti kien għamilhom bil-kundizzjoni li ma nurux ritratti tal-ħerba fil-Bataclan u li l-messaħħ ikun wieħed pożittiv. Fl-ewwel kuntatt li konna għamilna miegħu kien ħadna bil-herra iżda wara aċċetta li jitkellem u jaqsam l-esperjenza.

Jgħidilna li “fil-Bataclan sirt naf lil Caroline, tfajla li kienet isservi fil-bar u lil Gilles li kienet ħdejja. It-tnejn mietu maqtula fl-attakk.   Dejjem naħseb fihom. Fost dawk li savlaw kien hemm min spiċċa b’partijiet minn ġismu maqtugħin u oħrajn ma setgħux jimxu aktar.  Oħrajn baqgħu ma fiqux mit-trawma.   Ma nafx x’naqbad ngħid lil dawk li spiċċaw orfni jew lil dawk il-ġenituri li tilfu lil uliedhom f’dan l-attakk. Fil-ġimgħat ta’ wara ġġilidt miegħi innifsi biex niffoka l-attenzjoni tiegħu fuq kollox barra x’ġara f’dak il-lejl tal-attakk.  Moħħi kien baqa’ wieqaf fuq dak il-lejl. Iddeċidejt li nitlaq minn Franza u mort għax-xemx tal-Afrika. Bdejt niffoka l-attenzjoni fuq affaijei żgħar, affarijiet li qatt ma immaġinajt li se niġbed ir-ritratti tagħhom. Wara erġajt bdejt niskopri s-sbuħija ta’ Pariġi. Waqt l-attakki kienu diversi l-ġurnalisti li riedu jintervistawna. Ħassejna li jkun tajjeb li naqsmu l-emozzjonijiet tagħna  fuq it-traġedja. Din għenitna nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna.   Qgħadna attenti lil min inkellmu u injorajna sejħiet mjinn ċerti sezzjonijiet tal-midja. Ridna nkellmu ġurnalisti ġenwini. Irringrazzjajnihom talli rrispettaw il-kliem tagħna u għenuna.  Illum għadni niġġieled biex inkun ħieles mill-biża’.  Jien parti minn ġenerazzjoni msejħa ‘Bataclan Generation’. Din hi mimlija tama u enerġija”. 

Ma kienx iddejjaq jgħid li lit-tifla tiegħu se jaqralha l-ktieb “Tristou’ ta’ Maurice Druon. Din hi storja li tiddeskrivi d-dinja minn għajnejn it-tfal. “Jien nirrifjuta li nitlef l-innoċenza u l-għajnejn ta’ tfal. Irrid nui lid-dinja kif naraha. Irrid nuża l-magna fotografika bħalma t-terroristi użaw l-armi, biex nuri r-realtà ta’ madwarna”.

Amaury kien tkellem magħna dwar dak li ġara fil-Bataclan. “Hemm ħafna affarijiet li ma nistax inżommhom ġo fija.  Jekk nagħmel hekk nispiċċa ma norqodx. Irid inneħħihom minn fuq l-istonku.  Meta seħħet l-isparatura fil-Bataclan, bħal ħafna oħrajn jien ħsibt li dak l-isparar kien finta. Jien ħsibtu kien parti mix-xow. Kulħadd tbaxxa.  Jien kont fuq quddiem. Intlaqatt bl-ishapnel f’saqajja.  F’dak il-mument għollejt rasi biex nara x’kien qed jiġri. Rajt raġel armat jispara”.

Ikompli jgħid li “kont qed inħares minn ġewwa lejn il-bieb u kont qed narah silhouette.  Mingħajr ma ħsibtha darbtejn irreaġixxejt bl-istint.  Bdejt niġri minn fuq in-nies li kien hemm mal-art.  Ma kontx qed nagħti kas fejn kont qed nitfa’ saqajja. Qbiżt il-barrikati, tlajt fuq il-palk u mort fuq in-naħa ta’ wara. Bqajt sejjer lejn it-tojlits nipprova insib bieb għal barra. Ma irnexxielix insibu. Spiċċajt f’rokna qisni ġurdien. Imma kont wieħed minn dawk tal-ewwel li ħrabt mit-teatru u wara ftit bdew ġejjin ħafna nies. Konna madwar 50 ippakkjati fi 15-il metru kwadru. Seba minna kienu qegħdin f’seba’ metri kwadri fit-tojlits. Kont naf li jekk il-qattiel jiġi hemm,  aħna kollha konna se nkunu mejtin.  Ma stajniex niċċaqilqu. Bqajt hemm tul il-massakru kollu”.

Amary kien qalilna li “mhux se nagħti dettalji fuq l-istennija, fuq l-għajat, fuq l-ispara, fuq il-feruti, u fuq is-silenzju li kien hemm wara.  Kienu mumenti li fihom għaddew ħafna ħsibijiet minn moħħi, l-aktar dak ta’ mewt fl-età ta’ 24 sena.   F’ħin minnhom ħadna xokk bi splużjoni qawwija. Kienu infaqgħu xi pajpjiet u beda ġej ħafna ilma.  Finalment waslu l-Pulizija u evakwawna. Ħriġna minn hemm b’idejna wara rasna. Qsamna it-teatru – li ftit ħin qabel kien mimli kollu ħajja. Il-Pulizija qalulna biex waqt li nkunu għaddejjin minn hemm inħarsu lejn is-saqaf. Jien bdejt nipprova nħares biex nara narax lit-tfajla tiegħi, Isobel.  Kien hemm iġsma ma’ kullimkien b’mod partikolari taħt il-palk fejn kien hemm jien.  Ma kinitx xena minn gwerra imma minn biċċerija. Ħarġuna barra u ftit wara ġiet tgħannaqni it-tfajla tiegħi. Għannqitni. Kont qisni qed nara xena li mhix vera”, kien temm jgħidina Amauri. 

Sport