Thursday, August 21, 2025

“Ħallast €15,000 għal sena kors… oħrajn ħallsu €7,000… spiċċajna fit-triq”

F’inċertezza l-ħolma u l-pjanijiet ta’ xejn inqas minn 80 student… Jitolbu l-għajnuna tal-GWU

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Studenti Niġerjani. Ħafna studenti Pakistani. Oħrajn mit-Tanzanija. Mir-Rwanda. Indjani. Mill-Għarabja Sawdija. Kollha studenti li kellhom ħolma. Li jistudjaw u jiggradwaw f’pajjiżna u dan billi kienu qegħdin jattendu korsijiet f’dik magħrufa bħala l-European International University, li hi istituzzjoni privata. L-istudenti imma bħal sajjetta fil-bnazzi sabu theddida ma’ wiċċhom u dan hekk kif dawn ġew mitlubin jitilqu minn pajjiżna. Dan sar minħabba li l-liċenzja ta’ din l-Università ġiet irtirata.

Hemm studenti li għandhom il-passaport maqful ġo l-istess Università

L-ORIZZONT fl-aħħar jiem iltaqa’ ma’ għadd minn dawn l-istudenti u tkellimna magħhom dwar l-esperjenza. “Spiċċajna illegalment hawn. Ħallasna l-flus biex nagħmlu l-kors. Hemm min ħallas €7,000 u €8,000 għall-kors li kien qed jagħmel. Dawn għalina huma flejjes sostanzjali. Issa x’se jiġri ma nafux.”

“Ħallast €15,000 f’sena għal kors tal-mediċina… ma nafx x’se naqbad nagħmel dahri mal-ħajt”

Studenta li tkellmet magħna qaltilna li “ma nafx x’se naqbad nagħmel. Jien ħallast €15,000 għal kors tal-mediċina. Dawn ikopru sena. Issa spiċċajt barra. Ftit li xejn għandi possibilità li nista’ nkompli l-kors ma’ xi università oħra hawn Malta. Ma nafx x’se naqbad nagħmel. Qegħdin jgħidulna biex inkomplu l-kors ma’ Università oħra privata, imma jien b’kors tal-mediċina fejn se nkomplih? Ma nistax inkomplih l-Università ta’ Malta għax il-kors jiswa xi €25,000 u ma niflaħx inħallas dawk l-ammonti”.

Spiċċajna m’għandna ebda drittijiet legali

Student li tkellem magħna qalilna li “spiċċajna f’din is-sitwazzjoni intortament. Aħna x’tort għandna? Ħallasna u għamilna kollox kif suppost. Ma nistgħux nifhmu kif f’daqqa waħda jgħidulna li rridu nitilqu miż-żona tal-Unjoni Ewropea, meta ħallasna l-korsijiet. X’se jiġri minnhom il-flus li ħallasna? Sa issa inċertezza kbira għandna. Dawn għalina kienu flejjes kbar. Nixtiequ li xi ħadd jintervjeni. Dan każ ġenwin. Aħna m’għandna l-ebda tort. Sempliċiment vittmi ta’ din is-sitwazzjoni. Nirringrazzjaw lill-GWU, u lis-Segretarju Kevin Abela, li qegħdin jaħdmu fuq il-każ tagħna.”

“Kif nistgħu nirrilokaw f’università oħra jekk m’għandniex dokument li konna qegħdin nagħmlu l-kors?”

L-istudenti qalulna li “qegħdin jgħidulna biex nirrilokaw lejn università oħra. Imma x’se nuruhom? F’idejna għandniex dokumenti. M’għandna xejn x’juri li konna qegħdin nagħmlu dan il-kors”. 

L-akbar issue hi l-kwistjoni tal-istatus legali tagħhom

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-General Workers Union (GWU), Kevin Abela, qalilna li “dawn l-istudenti huma vittmi. Hu każ ġenwin. L-akbar kwistjoni li għandhom hi l-istatus legali tagħhom f’Malta għax la għalqet l-università dawn l-iskop tagħhom spiċċa. Għandhom biss ftit jiem għad-dispożizzjoni tagħhom biex jitilqu minn Malta u joħorġu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Għandek 80 student milqutin minn din is-sitwazzjoni. L-istudenti qegħdin jgħidulna li hemm min għandu dokumenti tiegħu maqbudin fl-istess bini tal-università. Hemm il-kwistjoni tal-flejjes li tħallsu imma l-kors ma ntemmx flimkien mal-fatt li issa qegħdin jgħidulhom ifittxu università oħra imma hemm min se jsibuha diffiċli biex isib università għall-kors li kellha fosthom dawk li kienu qegħdin jistudjaw il-mediċina. 

Ta’ min jgħid li l-Aġenzija Identità wara li l-permess tal-Università kien revokat, ikkanċellat il-permessi ta’ residenza għal studenti barranin li kienu qed jistudjaw fl-International European University. L-istudenti ġew mgħarrfin b’komunikat mill-Aġenzija ‘Identità’ li jridu jitilqu minn pajjiżna b’mod immedjat.

Minkejja li l-istudenti suppost kellhom laqgħa ma’ rappreżentanti tal-European International University, dawn iżda qatt ma dehru. Din il-laqgħa kienet importanti għal dawn l-istudenti għax riedu li jingħataw dokumenti li juru li huma kienet qegħdin jattendu korsijiet f’din l-università privata.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport