Friday, November 22, 2024

Ħames Kolumbjani jintbagħtu lura pajjiżhom fuq kirjiet foloz

Aqra wkoll

Ħames Kolumbjani li ammettew li ppreżentaw ftehimiet ta’ kirjiet foloz lil Identity Malta biex jiksbu permess ta’ residenza, ingħataw sentenza sospiża mill-Qorti li ordnat ukoll ir-ripatrijazzjoni tagħhom. 

Erba’ rġiel u mara tressqu l-Qorti wara li investigazzjonijiet tal-pulizija kkonfermaw li d-dokumenti ppreżentati lill-entità statali kienu foloz.  

Fil-Qorti intqal li uffiċjali ta’ Identità, li qabel kienet magħrufa bħala Identity Malta, ġihom suspett meta ġew ippreżentati bil-ftehim ta’ kiri li kollha dehru li kellhom l-istess indirizz. Aktar investigazzjonijiet urew ukoll li s-suspetti tagħhom kienu korretti.

Anderson Pedroza Gutierrez, Carlos Andres Angarita Contreras, Henrique Santos Silva, Jose Ricardo Vanegas Bustamante u Ana Maria Rodriquez Barragan ammettew li għamlu dikjarazzjoni falza biex jiksbu benefiċċju, kif ukoll falsifikazzjoni tad-dokument ippreżentat lill-Identità.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, ikkundannat lill-ħames Kolombjani sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn filwaqt li ordnat ir-ripatrijazzjoni tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jonathan Ransley u Eman Hayman. L-avukati Dustin Camilleri u Simon Micallef Stafrace dehru għall-imputati. 

Sport