Ħames persuni li aktarx huma marbuta ma’ waħda mill-akbar gruppi kriminali tal-Ekwador intbagħtu l-ħabs, wara li nstabu li kienu kompliċi għall-qtil tal-kandidat presidenzjali Fernando Villavicencio is-sena l-oħra.
Villavicencio li kien membru tal-assemblea nazzjonali tal-pajjiż u eks-ġurnalist, inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar, wara li spiċċat attivitá tal-kampanja elettorali fil-kapitali, Quito, f’Awwissu li għadda.
Carlos Angulo, l-allegat mexxej tal-grupp kriminali magħruf bħala ‘Los Lobos’, u Laura Castilla ġew ikkundannati 34 sena u tmien xhur ħabs. Żewġt irġiel u mara oħra ngħataw sentenza ta’ 12-il sena mill-Qorti f’Quito talli għenu sabiex Fernando jinqatel.
Fil-Qorti, il-Prosekuturi allegaw li Angulo, magħruf bħala ‘The Invisible’ kien ordna sabiex jinqatel Villavicencio. Minkejja dan, huwa ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih u qal li hu ma kellux għalfejn joqtlu lill-vittma.
Aktar minn 70 persuna taw xhieda waqt il-proċess, inkluż xhud ewlieni li qal li l-grupp krimianli kien offrut aktar minn $200,000 biex joqtol lis-Sur Villavicencio, wieħed mill-ftit kandidati li allega rabtiet bejn il-kriminalità organizzata u uffiċjali tal-gvern fl-Ekwador.
Fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni, il-politiku kien irċieva theddid li kienu qed joqtluh. Minkejja t-theddid, huwa kien kompla jagħmel kampanja u ġie maqtul minn grupp ta’ aggressuri fid-9 ta’ Awwissu barra skola fit-Tramuntana ta’ Quito.
L-armla ta’ Villavicencio, Veronica Sarauz, laqgħet is-sentenza iżda qalet li din kienet biss il-bidu ta’ triq twila biex tiġi determinata l-istorja kollha wara l-mewt ta’ żewġha.
L-Ekwador storikament kien pajjiż relattivament sigur u stabbli fl-Amerika Latina, iżda f’dawn l-aħħar snin żdiedet il-kriminalità.