Tuesday, September 22, 2026
Home Internazzjonali Il-G7 jesiġi li l-Iran ma jkomplix jipprovdi l-armi lill-Houthi fil-Jemen

Il-G7 jesiġi li l-Iran ma jkomplix jipprovdi l-armi lill-Houthi fil-Jemen

0
56

L-Iran irid jieqaf u ma jkomplix jipprovdi l-armi u l-appoġġ lill-Houthis fil-Jemen, qalu l-ministri tal-affarijiet barranin tal-pajjiżi tal-G7 – l-iktar 7 ekonomiji b’saħħithom fid-dinja –  fi stqarrija konġunta.

Il-G7 ikkundanna wkoll bl-aktar mod qawwi l-attakki tal-Houthi fuq l-Arabja Sawdija, u żied jgħid li l-eskalazzjoni riċenti fil-ġlied kontra l-forzi appoġġjati mill-Arabja Sawdija fil-Jemen hija theddida għas-sigurtà tal-enerġija reġjonali u globali.

Eluf ta’ refuġjati ħarbu mill-Jemen fl-aħħar jiem wara li Houthis appoġġjati mill-Iran ħatfu territorju tul il-kosta tal-Baħar l-Aħmar tal-pajjiż, inkluż ħdejn l-Istrett ta’ Bab al-Mandab, rotta marittima kruċjali għall-kummerċ globali.

Din id-dikjarazzjoni tal-G7 ħarġet qabel il-laqgħa annwali tal-Assemblea Ġnerali tan-Nazzjonijiet Uniti li qed titlaqqa fi New York, fejn huwa mistenni li jitkellmu uffiċjali għolja Iranjani.

Il-ministri tal-affarijiet barranin tar-Renju Unit, il-Kanada, Franza, il-Ġrmanja, l-Italja, il-Ġppun u l-Istati Uniti appellaw lill-Houthi biex iwaqqfu immedjatament kull azzjoni militari, kull theddida u attakk kontra bastimenti ċivili, u biex jerġgħu lura għall-proċess politiku b’rieda tajba.

Huma komplew jgħidu li l-azzjonijiet kundannabbli tagħhom jiffurmaw mudell perikoluż ta’ eskalazzjoni li jġorr miegħu r-riskju li jaggrava aktar il-kunflitt, idgħajjef il-kummerċ internazzjonali u joħloq instabbiltà ekonomika globali.

Sadanittant, mill-inqas sitt persuni nqatlu f’attakki Sawdi fuq il-belt strateġika Jemenita ta’ Mokha, irapporti l-aġenzija tal-aħbarijiet AFP li ċitat mezzi tax-xandir affiljati mal-Houthi. Fost il-mejtin kien hemm żewġt itfal u mara, filwaqt li tmien persuni oħra ndarbu fl-attakk fuq il-belt, li l-Houthi kienu ħadu mingħand il-forzi favur il-gvern aktar kmieni dan ix-xahar.

L-Arabja Sawdija, li tappoġġja l-gvern tal-Jemen rikonoxxut internazzjonalment, għadha ma kkummentatx dwar l-attakki li ġew irrappurtati.

In-Nazzjonijiet Uniti tistma li, b’kollox, aktar minn 120,000 ċittadini tal-Jemen spiċċaw spostati minħabba ż-żieda f’daqqa fil-ġlied tul il-kosta tal-Baħar l-Aħmar.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Houthi – li kienu diġà ħatfu l-biċċa l-kbira taż-żoni popolati tal-Jemen – ħadu l-kontroll ta’ Bab al-Mandab, passaġġ marittimu dejjaq u strateġiku fejn in-naħa t’isfel tal-Baħar l-Aħmar tiltaqa’ mal-Golf tal-Aden u mal-Oċean Indjan.

Nhar il-Ħadd, l-ambaxxati tal-Istati Uniti madwar il-Lvant Nofsani ħarġu twissijiet ġodda ta’ sigurtà hekk kif intensifikat il-ġlieda bejn il-Ħouthi u l-koalizzjoni appoġġjata mill-Arabja Sawdija fil-Jemen.

Il-Ħouthi jiddikjaraw lilhom infushom bħala parti mill-hekk imsejjaħ “assi tar-reżistenza” mmexxi mill-Iran kontra l-Iżrael, l-Istati Uniti u l-Punent inġenerali – flimkien ma’ gruppi armati bħal Ħamas u l-moviment Libaniż Ħeżbollah.

Aktar qabel, l-Iran ċaħad li pprovda armi lill-Ħouthi u ssostna li jappoġġjahom biss politikament.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here