Il-programm ta’ rikonoxximent għall-impjegati, Cause for Applause, dan l-aħħar laqqa’ flimkien kollegi minn madwar il-Grupp Farsons biex jiċċelebraw individwi li l-impenn, il-professjonaliżmu u d-dedikazzjoni tagħhom ikomplu jsaħħu l-kultura u s-suċċess tal-organizzazzjoni.
Cause for Applause jinkludi żewġ programmi distinti ta’ rikonoxximent: STRIDE Recognition Awards, li huma bbażati fuq il-valuri ewlenin tal-Grupp u li jagħrfu impjegati nominati mit-timijiet maniġerjali, u l-Peer-to-Peer Recognition Awards, li jiċċelebraw lill-impjegati nominati direttament mill-kollegi tagħhom.
Din is-sena l-programm irċieva total ta’ 37 nomina mit-tim maniġerjali għal STRIDE Recognition Awards u 81 nomina minn impjegati kollegi li jirriflettu kultura tax-xogħol li fiha l-kollegi jagħrfu u japprezzaw b’mod attiv il-kontribut ta’ xulxin. In-nomini għal STRIDE ġew evalwati mit-Tim tat-Tmexxija Għolja tal-Grupp, immexxi minn Michael Farrugia, u n-nomini għall-premjijiet l-oħra ġew evalwati minn kumitat ta’ impjegati li jirrappreżenta fergħat differenti tan-negozju.

L-avveniment kien l-ewwel ċelebrazzjoni ta’ Cause for Applause ospitata minn Michael Farrugia fil-kariga l-ġdida tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-Grupp. Waqt li rrifletta fuq din l-okkażjoni, iddeskriva l-programm bħala opportunità sabiħa ta’ rikonoxximent għan-nies tal-Grupp li l-isforzi u l-impenn tagħhom ikomplu jiffurmaw l-organizzazzjoni.
“Ftit huma l-ġenerazzjonijiet li għandhom il-privileġġ li jwasslu kumpanija fit-tieni seklu tagħha. Aħna għandna. U ma’ din l-opportunità unika tiġi r-responsabbiltà li nibqgħu leali lejn il-kultura u l-valuri li jiddefinuna, u li nħallu lil Farsons aktar b’saħħitha għal ta’ warajna.”
Michael Farrugia enfasizza fuq kemm hu importanti li l-kultura u l-valuri li appoġġjaw it-tkabbir tal-Grupp matul id-deċennji jiġu ppreservati, u nnota li s-suċċess ta’ Farsons dejjem inbena bl-impenn tan-nies tagħha, bir-rieda tagħhom li jappoġġjaw lil xulxin, u bid-determinazzjoni li jibqgħu jitjiebu.
Fl-indirizz tiegħu, Tonio Mifsud Bonnici, il-Kap tar-Riżorsi Umani tal-Grupp, saħaq fuq ir-rikonoxximent tal-impjegati u r-rwol li għandu fil-promozzjoni tal-involviment, il-kollaborazzjoni u s-suċċess tal-organizzazzjoni.
“Il-valuri tagħna jibqgħu fuq il-karta sakemm in-nies jagħtuhom il-ħajja bl-azzjonijiet tagħhom ta’ kuljum. Kull impjegat jagħti l-kontribut tiegħu għall-missjoni komuni tagħna, u huwa bix-xogħol iebes u l-impenn tan-nies tagħna li nkomplu mmexxu lil din il-kumpanija ’l quddiem kuljum.”
Tonio Mifsud Bonnici enfasizza wkoll fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-funzjonijiet differenti, it-titjib kontinwu, is-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-governanza tajba, filwaqt li rrikonoxxa l-impatt pożittiv li l-impjegati jagħmlu fuq it-timijiet u l-kollegi tagħhom permezz tal-azzjonijiet tagħhom ta’ kuljum.
L-iSTRIDE Recognition Awards taw rikonoxximent lill-impjegati għas-sitt valuri ewlenin tal-Grupp: is-Suċċess, il-Ħidma f’Tim, ir-Rispett, l-Integrità, id-Dinamiżmu, u l-Eċċellenza. Dawk li rċevew il-premjijiet jirrappreżentaw firxa mdaqqsa ta’ funzjonijiet fi ħdan in-negozju, fosthom il-loġistika, il-manifattura, il-bejgħ, il-finanzi, l-ospitalità, il-marketing, is-servizzi korporattivi u r-riżorsi umani.
Il-Peer-to-Peer Recognition Awards ingħataw fil-kategoriji ta’ Positive Influencer u Quiet Leadership, u għarfu impjegati li bl-azzjonijiet, bit-tmexxija u bl-appoġġ tagħhom lil oħrajn ħallew impatt sinifikanti fuq il-kollegi u fuq il-kultura tal-post tax-xogħol.
Waqt li ferħu lin-nominati kollha u lil dawk li rċevew il-premjijiet, kemm Tonio Mifsud Bonnici u kemm Michael Farrugia rringrazzjaw lill-impjegati għad-dedikazzjoni u l-kontribut tagħhom lejn l-organizzazzjoni, u rrikonoxxew ir-rwol vitali li għandhom fis-suċċess kontinwu tal-Grupp Farsons.
Il-lejla ntemmet bil-Group Summer BBQ li ta lill-kollegi l-opportunità jiċċelebraw flimkien u jsaħħu r-relazzjonijiet u s-sens ta’ komunità li jikkaratterizzaw il-kultura tal-post tax-xogħol ta’ Farsons. Matul il-lejla, id-divertiment kien ipprovdut minn Fakawi.
