L-Ewroparlamentari Daniel Attard f’taħditiet mal-Kap Eżekuttiv ta’ Booking.com dwar il-futur tat-turiżmu Ewropew

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Daniel Attard iltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv ta’ Booking.com, Glenn Fogel, għal taħditiet dwar it-tisħiħ tas-settur tal-ospitalità fl-Ewropa, l-iżvilupp tal-ħiliet u kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ Malta.


Il-laqgħa saret fl-okkażjoni ta’ “Hotel Europe: The Future of Travel & Technology”, sensiela ta’ attivitajiet organizzati minn Booking.com bejn is-16 u d-19 ta’ Novembru, bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-istituzzjonijiet Ewropej u mexxejja tal-industrija.


Fost oħrajn ġew diskussi l-preżenza ta’ Booking.com f’Malta u r-rwol ewlieni tagħha fit-turiżmu Ewropew u globali. Skont ċifri ppreżentati mill-kumpanija, Booking.com issostni attività ekonomika ta’ €3.2 biljun f’Malta, b’kontribut ta’ €1.4 biljun għall-Prodott Domestiku Gross u 21,000 impjieg.


Bħala n-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew għar-regolament propost dwar ix-xiri tal-biljetti tal-ivvjaġġar online, Attard enfasizza l-prijoritajiet tiegħu: informazzjoni ċara, aktar faċilità biex il-passiġġieri jikkumparaw l-għażliet tal-ivvjaġġar u ħarsien aħjar tad-drittijiet tagħhom.


Saħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ kompetizzjoni ġusta bejn il-lukandi u l-akkomodazzjoni turistika mikrija għal żmien qasir, b’regoli proporzjonati li jippromwovu l-kwalità u jħarsu l-interessi tan-negozji responsabbli u tal-komunitajiet lokali.


It-taħditiet iffukaw ukoll fuq l-akkademja għat-taħriġ li qed tħejji Booking.com. Attard fakkar fir-rabta mal-prijoritajiet tar-rapport tiegħu dwar it-turiżmu, approvat mill-Parlament Ewropew din is-sena, fosthom il-proposta għal European Tourism Skills Card. Il-Kummissjoni Ewropea wkoll inkludiet Akkademja Ewropea tat-Turiżmu fl-istrateġija l-ġdida tagħha għat-turiżmu sostenibbli.


Iż-żewġ naħat impenjaw ruħhom li jaħdmu mill-qrib fuq l-iżvilupp tal-akkademja u biex issir attività f’Malta fl-2027, bl-għan li joħolqu opportunitajiet konkreti għan-negozji u l-ħaddiema fis-settur.


“L-Ewropa ma tistax tistrieħ fuq ir-reputazzjoni tagħha biex tibqa’ l-aqwa destinazzjoni turistika fid-dinja. Irridu ninvestu fil-ħaddiema, insaħħu l-kompetittività tan-negozji u noffru esperjenza li tħajjar lill-viżitaturi jerġgħu jiġu,” qal Attard.


“Għal Malta u Għawdex, dan ifisser li jkollna sehem fit-tfassil tal-politika Ewropea tat-turiżmu u li nsarrfu din il-ħidma f’opportunitajiet f’pajjiżna.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport