“Fil-laqgħat li kellna s’issa, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza direzzjoni ċara: l-prijorità hija li nkomplu ngħollu l-livell u nsaħħu l-infurzar li qed isir.”
Hekk kiteb il-Ministru tat-Turiżmu Jo Etienne Abela fuq il-midja soċjali dwar l-ewwel 100 jum ta’ dan il-Gvern u anke b’referenza għal laqgħat li kellu mal-Prim Ministru dwar il-Budget 2027.
Il-Ministru saħaq li f’pajjiżna għandu jkunu turiżu ta’ kwalità. Aktar infurzar. Aktar konnettività. Aktar investiment.
Fl-istess post, il-Ministru Jo Etienne Abela elenka dak li sar s’issa fl-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura.
Fost l-oħrajn semma li kein hemm 1,400 multa on-the-spot mogħtija sa issa, saru 4,215-il spezzjoni mill-MTA matul din is-sena, inħarġu 22 avviż ta’ infurzar u 106 multi amministrattivi, kif ukoll hemm 169 proprjetà taħt investigazzjoni minħabba suspetti ta’ operat illegali bħala Holiday Furnished Premises.
Il-Ministru tenna li “dan huwa infurzar li għandu jkompli jħares lejn settur aktar serju, professjonali u ta’ kwalità. Fl-istess waqt, qed inħarsu lejn aktar konnettività, aktar ħiliet, aktar professjonalità u kundizzjonijiet aħjar biex in-negozji jkomplu jinvestu, jimmodernizzaw u jgħollu l-istandards tagħhom.”
Kompla jgħid li l-mira mhijiex biss aktar turisti. Il-mira hija turiżmu ta’ kwalità li joħloq aktar valur għall-ekonomija u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.
“Dan huwa l-pass li jmiss fit-triq lejn il-Viżjoni Malta 2050” temm jikteb il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela.
