Sunday, November 24, 2024

Ħames snin ħabs għal Għawdxi li abbuża sesswalment ġuvni ta’ 15-il sena 

Ir-raġel kien jidħol jarah waqt li jkun qiegħed jinħasel

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ ħames snin ħabs mogħtija lil raġel Għawdxi ta’ 56 sena li nstab ħati li abbuża sesswalment ġuvni ta’ 15 -il sena. 

Fil-Qorti nstemà kif il-każ seħħ f’Diċembru tal-2013. Il-Prosekuzzjoni xehdet kif il-Pulizija rċeviet rapport ta’ ġuvni ta’ 15 -il sena li allegatament kien ġie abbużat sesswalment minn raġel ta’ 56 sena. Intqal ukoll li l-Pulizija bdew minnufih bl-investigazzjoni, fejn aktar tard ressqu lill-akkużat  Joseph Haber mir-Rabat Għawdex mixli li abbuża sesswalment ġuvni taħt l-età.

Il-Qorti semgħet kif it-tifel fetaħ qalbu ma’ ommu u li darba minnhom qalilha li fil-post fejn hu kien imur ta’ spiss, irnexxielu jagħmel ħabib. Lil ommu, il-ġuvni qalilha li waqt li kien ikun qiegħed jinħasel, Haber kien jidħol jarah waqt li jkun bla ħwejjeġ.

Meta l-Pulizija kellmet liż-żagħżugħ dan allega li kien ġie abbużat mir-raġel għal tliet darbiet. Meta mistoqsi mill-Pulizija,  l-imputat Joseph Haber ammetta li kellu x’jaqsam sesswalment mal-ġuvni 

Il-Maġistrat Joseph Mifsud, li quddiemu nstema’ l-każ, sab lir-raġel Għawdxi ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u kkundannah ħames snin priġunerija. Minbarra s-sentenza mogħtija, huwa ġie ordnat biex minħabba l-ġibdiet sesswali li għandu lejn il-minorenni, huwa għandu jsegwi ordni ta’ trattament fuq perjodu ta’ tliet snin. 

Wara li ngħatat s-sentenza, l-imputat appella mis-sentenza u lmenta li huwa jbati minn kundizzjoni psikjatrika. Huwa sostna li l-ħabs mhux il-post ideali biex ipatti għal dak li seħħ.

Minkejja l-appell li sar minn Haber, l-Imħallef Neville Camilleri qal li minħabba li l-imputat ma kellu ebda provi, is-sentenza kellha tibqa’ dik ta’ ħames snin priġunerija.

Sport