Tuesday, May 14, 2024

Teknoloġija innovattiva tal-micro-tunnels biex tintuża fil-proġett ta’ infrastruttura tad-drenaġġ ta’ San Pawl il-Baħar

Aqra wkoll

L-infrastruttura tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar u f’Kennedy Grove hija stabbilita għal titjib sostanzjali, permezz ta’ teknoloġija avvanzata mingħajr l-użu tat-trinek, magħrufa bħala ‘micro-tunnelling’.

Dan il-proġett, li se jitwettaq mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, b’investiment ta’ €6.4 miljun, ħa jtejjeb bil-kbir is-sistema tal-immaniġġjar tad-drenaġġ fiż-żona.

Il-proġett tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mall-Kap Eżekuttiv tal-WSC Karl Cilia waqt żjara fil-lokalità, fejn ix-xogħlijiet mistennija li jibdew sal-aħħar ta’ April.

L-investiment għandu l-mira li jindirizza t-tkabbir ekonomiku u tal-popolazzjoni mistenni fiż-żona. L-użu tas-sistema tal-micro-tunnelling tippermetti l-kostruzzjoni ta’ gallerija tad-drenaġġ ta’ 1.9km mingħajr il-bżonn ta’ ħafna tħaffir.

Il-Ministru Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza ta’ dan il-proġett, u sostniet li, “dan il-proġett huwa meħtieġ peress li l-popolazzjoni f’din il-lokalità qed tikber. Għalhekk, irridu nassiguraw li jkun hemm infrastruttura adegwata li kapaċi tindirizza d-domanda li dejjem tiżdied.”

Il-gallerija ġdida tad-drenaġġ hi mistennija li tiġbor il-maġġoranza tad-drenaġġ ta’ San Pawl il-Baħar u Kennedy Grove, biex b’hekk itaffi l-piż fuq l-infrastruttura eżistenti. Il-proġett huwa maqsum f’żewġ lottijiet, li flimkien mistennija jieħdu 50 ġimgħa biex jitwetqu. Ix-xogħol fuq iż-żewġ lottijiet se jsir fl-istess ħin, biex b’hekk tiġi żgurata t-tlestija effiċjenti u f’waqtha ta’ dan l-upgrade tant meħtieġ.

“Dan il-proġett huwa xhieda tal-impenn tagħna għall-innovazzjoni u s-sostenibbiltà. Dan huwa biss wieħed mill-ħafna proġetti li l-Korporazzjoni se tkun qed taħdem fuqhom fil-futur qrib, b’inizjattivi simili ppjanati għall-Marsa, San Ġiljan, l-Imsida, u B’Bugia,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-WSC Karl Cilia.

Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm ukoll is-sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima, li laqa’ l-proġett f’din iż-żona, filwaqt li saħaq li l-investiment sostanzjali se jkun qed isaħħaħ l-infrastruttura tal-ilma u d-drenaġġ tal-lokalità.

Sport