Friday, December 27, 2024

Ħames snin ħabs għal raġel li nstab ħati ta’ atti sesswali quddiem persuni minorenni

Aqra wkoll

Ahmad Ali Younes Ikbal, Libjan ta’ 32 sena, ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati ta’ korruzzjoni ta’ minorenni fil-konfront ta’ żewġ adolexxenti.

Il-Libjan għadda ġuri, mingħajr ġurati, fuq għażla tiegħu stess quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja. Kien fil-11 ta’ Settembru li għadda meta l-akkużat beda għaddej ġuri fejn fost l-oħrajn kien mixli b’korruzzjoni ta’ minorenni.

Fost dawk li xehdu fil-ġuri kien hemm tliet żgħażagħ – ġuvni u żewġ tfajliet li meta seħħ il-każ kellhom 13-il sena u 14-il sena rispettivament.

Il-pulizija bdew jinvestigaw dan il-każ wara li kien daħal rapport mingħand missier it-tifel. Fir-rapport, il-missier kien qal li ibnu kien qallu li kien hemm raġel li sfurzah iwettaq atti indiċenti biex hu (l-akkużat) joqgħod jarah minn fuq il-kompjuter. Fl-istess żmien, waħda mill-ġenituri tal-bniet kienet għamlet rapport lill-pulizija li bintha kienet irċeviet ritratti tal-parti ġenitali tar-raġel.

Min-naħa tal-Prosekuzzjoni, li kienet immexxija mill-Avukat Angele Vella u Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qalu li l-Libjan kellu fantasiji sesswali bis-saqajn tat-tfal.

L-Imħallef Bugeja sab lir-raġel ħati ta’ korruzzjoni ta’ minorenni fil-konfront taż-żagħżugħ u waħda mit-tfajliet. Huwa kien ikkundannat ħames snin ħabs.

L-Avukat Joe Brincat mexxa d-Difiża f’isem il-Libjan.

Ekonomija

Sport