Saturday, May 18, 2024

Ħames snin ħabs għal sensiela ta’ serq fosthom minn fuq bejjiegħ tal-ħaxix

Aqra wkoll

Jason Attard ta’ 46 sena residenti Santa Venera kien ikkundannat ħames snin ħabs effettivi wara li wieġeb ħati għal sensiela ta’ serq.

Huwa kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ persuna oħra u ġew mixlija b’serq minn ħanut tal-logħob f’Ħal Qormi, li wettqu serqa fuq bejjiegħ tal-ħaxix f’Ħal Kirkop u li serqu flus minn ħanut tad-doughnuts f’Ħal Qormi. Il-każi seħħew bejn is-26 ta’ Marzu u t-8 ta’ April li għadda.

Akkużi oħra li nġiebu kontrihom jgħidu li pprovaw jisirqu minn ħanut ieħor tal-logħob f’Ħal Qormi, li kellhom sikkina fil-pussess tagħhom u li żammew persuni kontra l-volontà tagħhom.

Attard waħdu kien mixli li pprova jisraq minn ħanut tal-ikel f’Ħal Qormi u li għamel ħsara f’tagħmir elettroniku ta’ ħaddeħor filwaqt li l-imputat l-ieħor waħdu kien mixli li kellu d-droga fl-pussess tiegħu u sar reċediv. 

Waqt li Attard wieġeb ħati, l-imputat l-ieħor ċaħad l-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras innotat kif il-fedina penali ta’ Attard ma kinitx waħda allarmanti u tikkonsisti f’kundanni dwar reat kontravvenzjonali u reati kontra r-regolamenti tas-sewqan, bl-aħħar reat imur lura għall-2013. 

Min-naħa l-oħra, il-Qorti qieset in-natura serja tar-reati li tagħhom qed jinstab ħati, b’xejn inqas minn tliet serqiet aggravati u żewġ tentattivi ta’ serq aggravat fost reati oħrajn kif ukoll iċ-ċirkostanzi tal-imputat fosthom problemi familjari ta’ droga u li huwa lest li jirrifondi sehmu minn dak li seraq kif ukoll tal-ħsarat minnu kkaġunati. 

Kien għalhekk li sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u kkundanatu piena ta’ ħames snin priġunerija. Huwa kien ordnat iħallas is-somma ta’ €1,125 tal-ħsarat li kkaġuna kif ukoll is-somma ta’ €1,090 rappreżentanti sehmu mill-flejjes misruqa. Dawn għandhom jitħallsu fi żmien tliet xhur.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Roderick Agius. 

Sport