Saturday, May 4, 2024

Għadd ta’ vapuri Russi jitħallew jidħlu fil-portijiet Belġjani minkejja s-sanzjonijiet tal-UE

Aqra wkoll

Minn flotta ta’ 12-il vapur li ntlemħu lbieraħ fi triqithom lejn il-portijiet Belġjani, tliet vapuri biss ġew imwaqqfa milli jidħlu fil-portijiet, skont mhu rrappurtat mill-midja Belġjana. Dan minkejja li skont ma ġie dikjarat fil-ħames rawnd ta’ sanzjonijiet fid-dawl tal-invażjoni Russa fuq l-Ukrajna, sanzjoni minnhom tinkludi l-projbizzjoni ta’ vapuri Russi fil-portijiet Ewropej.

Skont dikjarazzjoni li għamlet l-Unjoni Ewropea fit-8 t’April li għadda, għalkemm huwa minnu li ddaħħlet fis-seħħ din is-sanzjoni, “Il-projbizzjoni ta’ vapuri Russi ma tapplikax fil-każ ta’ mediċini, ikel u l-provvista tal-enerġija, fost l-oħrajn”. Intant, il-midja Belġjana u dik Taljana qalu li l-vapuri Russi qed jitħallew jesportaw iż-żejt, il-gass, il-pitrolju, il-metalli, il-qamħ u ċereali oħra, fertilizzanti u mediċini, fost l-oħrajn.

Ir-Russja ta’ kuljum għadha tesporta kwantità kbira ta’ enerġija lill-pajjiżi Ewropej, hekk kif il-Ġermanja u bosta membri oħra tal-Unjoni Ewropea jiddependu bil-kbir fuq dan il-pajjiż. L-Ukrajna min-naħa tagħha tinsab imweġġa’ b’dan il-falliment tal-Ewropa li ma rnexxilhiex timplimenta sanzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-provvista tal-elettriku Russa.

Barra minn hekk, il-vapuri Russi se jitħallew jidħlu f’portijiet Ewropej f’każ ta’ emerġenza, bħal ngħidu aħna jekk jinqala’ l-bżonn ta’ tiswijiet urġenti.

Sport