Wednesday, April 24, 2024

Jesprimu x-xewqa li jkollhom kelba iżda jqarrqu bihom bil-għan li joħdulhom flushom

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Iwissu lin-nies biex ma jaċċettawx li jagħtu l-flus bil-quddiem lil xi ħadd li qatt ma ra

Ħafna huma dawk in-nies f’Malta li jżommu xi annimal domestiku ġewwa d-dar tagħhom. Mingħajr l-ebda tlaqliq bosta jgħidu kemm dawn l-annimali jġibu l-ferħ f’ħajjithom tant li saħansitra jispiċċaw biex isiru tant għal qalbhom li jqisuhom bħala familja.

Għal koppja Maltija li xtaqet iġġib kelb jew kelba ġewwa darhom biex ikollhom ftit kumpanija, din l-esperjenza ma bdietx bl-aħjar mod tant li dak li għaddew minnu seta’ kellu konsegwenzi ferm gravi.

Iben il-koppja, li xtaqu li jibqgħu anonimi, tkellem ma’ dan is-sit fejn qasam l-esperjenza li għaddew minnha bil-għan li ħaddiehor ma jispiċċax jingidem jew jaqa’ fin-nassa billi jagħti l-flus bil-quddiem lil xi ħadd li qatt ma ra.

Kollox beda meta din il-koppja bdiet tfittex fuq Facebook bil-għan li jkunu jistgħu jsibu minn fejn jistgħu jixtru l-kelb jew il-kelba.

Fost diversi paġni li ltaqgħu magħhom kien hemm waħda partikolari li fiha raw li kellhom klieb tar-razza ‘Golden Retrievers’. L-isem tal-paġna huwa ‘Dogs And Puppies For Adoption In Malta’. Għall-bidu meta taċċessa din il-paġna fuq Facebook ma tindunax li tista’ tqarraq bik hekk kif kollox jidher regolari u fiha ssib diversi ritratti ta’ klieb differenti. 

Meta staqsew jekk hux possibbli li jkollhom kelba mara ta’ din ir-razza, il-persuna li tkellmet magħhom qaltilhom li tiswa €300, inkluż il-pedigree.

B’dak il-prezz, il-koppja qalet li taċċetta li tiħodha u minn hemm bdew jistaqsu kif se jkunu qed jagħmlu biex eventwalment jingħaqdu ma’ din il-kelba u jħallsu lill-mara.  

Il-persuna li qalet li kellha din il-kelba infurmat lill-koppja li kellhom jirrilokaw Għawdex għax kien mitilha ħuha, pero qaltilhom li jekk riedu setgħu jħallsu d-depożitu ta’ €80 u jmorru biha huma stess.

Iben il-koppja qisu bħal donnu mill-kitba ta’ din il-persuna beda jitħasseb ftit għax stqarr li ma tantx jafda f’dawn l-affarijiet. B’hekk qalilha li se jkunu qed jitilgħu Għawdex l-għada stess.

Hekk għamlu. B’ferħ kbir li kienu jinsabu ftit ‘il bogħod milli jiltaqgħu mal-kelba li eventwalment kienet se toffrilhom il-kumpanija u l-imħabba li tant xtaqu, marru fl-indirizz li kienet qaltilhom bih. Aktar qabel huma kienu staqsew għan-numru tat-telefon biex ikunu jistgħu javżaw li waslu fil-post, iżda l-mara qaltilhom li ma kellhomx bżonnu u li minflok setgħu jibgħatu messaġġ minn fuq il-midja soċjali fejn kienu qed jitkellmu qabel.

“Ħabbatna u fetħet mara li ma taf b’xejn… qallibna triq sħiħa Għawdex nistaqsu. Sadanittant il-mara li konna tkellimna magħha bdiet tibgħat u qaltilna li ma konniex serji għax ma ħallasnix id-depożitu u b’hekk infurmatna li l-kelba tawha lil ħaddiehor,” qasam magħna bint il-koppja.

“Dan fi ftit sigħat u meta konna miftehmin. Imbagħad jien ħadt iċ-ċans u bagħttilha messaġġ,” qal l-iben filwaqt li żied jgħid li meta bagħtet lura l-mara nqabdet f’gidba oħra. Apparti minn hekk, bi żball f’messaġġ minnhom hija bagħtet ukoll il-karta tal-identità ta’ persuna.

Il-mara qalet li bagħtitha bi żball iżda l-koppja qisha xammet li kien hemm xi ħaġa mhux f’postha. Bi ftit riċerka l-koppja rnexxielha ssib lil din il-persuna li tidher fuq il-karta tal-identità fuq il-midja soċjali u staqsewha jekk kinitx għaddiet minn xi ħaġa simili bħalma esperjenzaw huma. It-tħassib tagħhom kien korrett hekk kif din il-persuna qalet li mhux biss għaddiet mill-istess ħaġa, iżda li lilha kienu ħadulha madwar €400.

Il-messaġġ li kemm il-koppja kif ukoll binhom xtaqu jgħaddu minn dan kollu huwa biex in-nies ikunu b’sebgħa għajnejn biex ma jinqabdux f’nassa li kienu se jidħlu fiha huma u ma jaċċettawx li jagħtu l-flus bil-quddiem lil xi ħadd li qatt ma ra għax il-konsegwenzi jaf ikunu serji.

“Dħalna bi profil ieħor u bagħatna lill-istess paġna u għednielha li ma nsuqux. Xħin għednielha li ma nsuqux, talbitna l-indirizz u qalet li jiġu huuma. Issa jekk hux biex jisirqu ma nafx. Fuq Facebook irrappurtajnihom kemm il-darba imma għalxejn… Dawn se jisirqu ħafna nies,” qal iben il-koppja.

Minn riċerka li għamilna dwar il-paġna li semmejna qabel li minnha kienet se tixtri din il-koppja jidher li dan mhux każ iżolat li seħħ hekk kif fuq gruppi oħra relatati mal-annimali sibna messaġġi ta’ nies oħra fejn qalu li din il-paġna mhi xejn ħlief waħda qarrieqa (scam) u kien hemm min appella biex jirrapporta din il-paġna ħalli titwaqqaf milli tkompli topera.

L-appell aħħari jibqa’ biex qabel ma wieħed jixtri xi ħaġa minn fuq l-internet, jiċċekja sew li din il-paġna tkun waħda affidabbli. Hemm diversi modi kif wieħed jista’ jinduna li din il-paġna jaf tkun waħda qarrieqa, fosthom il-fatt li ġeneralment il-prezz li jintalab għall-annimal domestiku jkun ferm inqas mir-rata normali għal dik ir-razza, u b’hekk jippruvaw jattiraw lin-nies li mingħalihom ikun sabu bargain tajjeb. 

Ġeneralment tista’ tinduna wkoll mit-tip ta’ messaġġi li jibgħatlek il-“bejjiegħ” jew il-kumpanija li tagħmel kuntatt magħha. Wieħed għandu joqgħod attent għat-tip ta’ ortografija, lingwaġġ u grammatika li bihom ikunu miktuba l-messaġġi. Jekk tara li hemm xi ħaġa stramba jew ikellmuk b’lingwa oħra, dan diġà għandu jkun sinjal. 

Ħaġa oħra li wieħed għandu jagħmel huwa li ma jkunx influwenzat minn websajts li jidhru awtentiċi. Ġeneralment ir-ritratt li jużaw minn min jipprova jqarraq ikunu jidhru awtentiċi imma ma jkunux tagħhom iżda jkunu meħuda minn vidjows u siti leġittimi għall-annimali domestiċi. F’ċertu każi jaf tkun ftit diffiċli biex tinduna, għalhekk tista’ tistaqsi għal aktar provi. Persuna ġenwina m’għandhix tiddejjaq milli tikkomunika, u eventwalment tipprovdi evidenza, max-xerrej.

Ġeneralment paġna serja tkun magħrufa minn għadd ta’ nies li jkunu użaw is-servizzi tagħha tant li fuq il-paġna jkun hemm xi kummenti ta’ nies oħra dwarha. Għalhekk, kemm jista’ jkun ara xi kummenti oħra jew staqsi fi gruppi oħra tal-annimali jekk kienx hemm xi ħadd li uża din il-paġna.

Ħaġa oħra li għandek toqgħod attent huwa meta l-bejjiegħ ma jipprovdix numru tat-telefon jew jikkomunika miegħek biss permezz ta’ email jew messaġġ. Bħalma ġara f’dan il-każ t’hawn fuq, meta staqsew għan-numru tat-telefon biex jikkomunikaw aħjar, din it-talba ġiet miċħuda. 

Jekk jidhru ansjużi li jlestu l-bejgħ jew jiksbu d-depożitu tiegħek malajr kemm jista’ jkun, jew jekk tħoss li qed jippruvaw jgħaġġluk biex tieħu deċiżjoni dwar l-annimal domestiku li qed tistaqsi dwaru, oqgħod attent. Imġieba bħal din ħafna drabi hija sinjal ta’ twissija li l-persuna li qed titkellem magħha qed tipprova tqarrraq bik u li fil-verità m’hemm l-ebda annimal għall-bejgħ.

Sport