Sean Grech ta’ 29 sena ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li lbieraħ instab ħati li erba snin ilu daħal jisraq anzjan ta’ 71 sena f’Bormla waqt li l-vittma kien rieqed.
Il-Prosekuzzjoni li kienet imexxija mis-Supretendent Fabian Fleri, u mill-Ispetturi Lydon Zammit u Oriana Spiteri qalet li l-każ seħħ fit-8 ta’ Ottubru tal-2019 għall-ħabta tal-4.40am fi Triq San Ġorġ.
Skont dak li ġie ppreżentat fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, Grech tela’ mal-faċċata tad-dar tal-anzjan u daħal f’daru mill-gallerija. Il-ħati kien mar fuq il-vittma li dak il-ħin kien rieqed u qalli “agħtini li għandek, agħtini li għandek” filwaqt li beda jagħti bil-ponn.
Fis-serqa Grech kien seraq żewġt iċpiepet waħda tad-ditta Rolex u l-oħra komuni, giżirana bajda u safra tad-deheb. Dawn l-oġġetti kienu fuq l-anzjan.
Grech instab ħati wkoll li weġġa’ b’mod gravi lill-anzjan fejn fost l-oħrajn kisirlu mnieħru u anke għamillu tbenġil madwar għajnu x-xellugija.
Il-Maġistrat Caruana, minħabba li kundanna lil Grech ħames snin ħabs ordnali biex iħallas €5,200 lill-vittma tal-oġġetti li seraqlu u ġie ordnat ukoll iħallas €3,800 fi spejjeż tal-Qorti. Inħarġet ukoll ta’ trażżin favur il-vittma għal sentejn.