Tuesday, April 30, 2024

Hockey: Qormi jibdew l-istaġun b’rebħa kbira

Aqra wkoll

Iċ-champions lokali tal-hockey Qormi Daikin bdew bl-aħjar mod l-istaġun tagħhom meta fl-ewwel logħba miċ-Challenge Cup iddominaw u għelbu lil White Hart 9-0.

Kif jindika l-iskor, it-tim immexxi minn Andre Ghio kellu ħafna mill-pussess tal-ballun u sab il-ħin jiskorja f’kull quarter.

Il-captain Steve Tanti u ż-żagħżugħ Nathan Pace Gasan kienu l-eroj għall-Qriema meta skorjaw tliet gowls kull wieħed. Daniel Ellul, Wyatt Magri u Julian Zahra għaqqdu l-iskor għal Qormi Daikin.

Umpires: Edward Hughes u James Mizzi.
GREE Żurrieq Hotsticks kisbu l-ewwel punti tal-istaġun meta għelbu lil Trust Payments Floriana Young Stars 2-0.

Kif mistenni kull meta jilagħbu dawn iż-żewġ timijiet, il-logħba tkun dejjem bilanċjata u dan kollu seta’ jidher anke f’dan il-konfront li baqa’ indeċiż sal-aħħar.

Iż-Żrieraq skorja gowl fit-tieni u ieħor fit-tielet quarter sabiex rebħu din il-logħba.

Shaun Grima u Alessandro Amore kienu l-iskorers f’din il-logħba.

Umpires: Keith Calleja u Paul Brincat.

Mill-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena, GREE Żurrieq Hotsticks għelbu lil Marsaskala 3-2.

Kienet logħba ferm bilanċjata u gowl biss għamel id-differenza kollha bejn iż-żewġ timijet.

Jayden Cutajar skorja doppjetta għaż-Żrieraq b’Gary Bonnici awtur ta’ gowl ieħor.
Marsaskala baqgħu fil-logħba permezz ta’ żewġ gowls minn Alessandro Piscopo u Jerome Carabott.

Umpires: David Agius u Karl Chircop.

F’partita mill-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena, Qormi Daikin għelbu lil Floriana Young Stars 10-0.

L-iskorer prolifiku Giorgio Muscat skorja seba’ gowls b’Iker Francalanza jiskorja doppjetta u Sam Cassar iżid ismu fost l-iskorers ukoll.

Umpires: Alessandro Amore u Paul Brincat.

Sport