Thursday, December 26, 2024

Ħames snin ħabs wara li seraq minn żewġt iħwienet fil-Mellieħa

Aqra wkoll

Serb ta’ 42 sena kien ikkundannat ħames snin ħabs wara li ammetta li seraq minn żewġt iħwienet fil-Mellieħa waqt li kien taħt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.
Dusan Penzes tressaq quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea mixli b’serq ta’ €1,600 fi flus kontanti minn ħanut fit-8 t’Awwissu u li seraq tliet mobiles li jiswew madwar €700 minn ħanut ieħor, erbat ijiem qabel.
Huwa kien mixli wkoll li seraq pouch li kien fih xi ċwievet u li kiser sentenza sospiża li kien ingħata f’Marzu ta’ din is-sena.
Penzes, li fil-Qorti qal li ma jaħdimx, wieġeb ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih. Huwa kkonferma din l-istess ammissjoni wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha.
Il-Qorti kkundannatu piena komplessiva ta’ 60 xahar ħabs – 44 xahar għall-akkużi dwar serq filwaqt li ġew attivi s-16-il xahar li kien ingħata b’rabta mas-sentenza sospiża.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Ryan Vella u Warren Galea megħjun mill-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Julia Micallef Stafrace dehret għall-imputat.

Ekonomija

Sport