Saturday, December 21, 2024

Ħamest irġiel jammettu li ppruvaw jisirqu min n maħżen fil-Marsa

Aqra wkoll

Ħamest irġiel, li l-età tagħhom tvarja bejn id-19 u s-26 sena, tressqu l-Qorti mixlija li fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt ippruvaw jisirqu minn maħżen li jinsab fl-inħawi tal-Moll tal-Ħatab fil-Marsa.

L-irġiel huma Neil Zammit ta’ 25 sena minn Birżebbuġa, Etienne Buhagiar ta’ 26 sena minn Ħal Kirkop, Emman-Neil Galdes ta’ 24 sena minn Santa Luċija, Kyle Micallef ta’ 20 sena mill-Floriana u Owden Caruana Smith ta’ 19-il sena residenti Bormla. 

Minbarra l-akkuża dwar attentat ta’ serq, huma ġew mixlija li għamlu ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor. Zammit, Buttigieg u Galdes ġew mixlija li kienu riċedivi b’sentenzi definittivi mogħtija mill-Qrati ta’ Malta. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija kienet irċeviet rapport li kien hemm xi rġiel li ppruvaw jidħlu fl-imħażen li jinsabu f’Moll tal-Ħatab. Fuq il-post il-Pulizija sabu marki friski ta’ sgass ma’ żewġ imħażen u kif ukoll żewġ bolt cutters kbar. 

L-imputati kienu arrestati f’kamra fil-kumpless tal-imħażen. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-irġiel allegatament serqu mill-istess imħażen ftit tal-ġranet qabel. 

Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia fejn għall-ewwel wieġbu mhux ħatja tal-akkużi iżda mbagħad wara aktar konsultazzjoni mal-avukati tagħhom, ammettew għall-akkużi.

Il-Maġistrat Farrugia, waqt li sabhom ħatja, qal li s-sentenza fil-konfront tagħhom se tingħata fil-jiem li ġejjin. Sadanittant, huwa ta l-ħelsien mill-arrest lil erba’ imputati – Etienne Buhagiar, Emman-Neil Galdes, Kyle Micallef u Owden Caruana Smith – fuq garanzija personali ta’ €3,000. Huma kienu obbligati jiffirmaw l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.

Min-naħa l-oħra, Neil Zammit inżamm arrestat fid-dawl tal-karattru refrattarju tiegħu u l-biża’ reali tal-affidabilità tiegħu. “Mhux il-Qorti qed taqbad miegħek. Qed ngħidlek li ċ-ċirkostanzi tiegħek jimmeritaw attenzjoni f’dan l-istadju. Ma nistax nagħlaq għajnejja għall-kondotta tiegħek,” qal il-Maġistrat Farrugia.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Andy Rotin. 

Ekonomija

Sport