Ħamrun 147 huma r-rebbieħa tal-Cisk National Premier League wara finali mill-aktar drammatika li ntlagħbet fil-Juventus Club Amore f’Birkirkara. F’logħba missielta sal-aħħar, Hamrun 147 għelbu lil Cospicua Rangers bl-iskor ta’ 13–12, f’finali b’livell għoli ta’ blackball. Il-mument kruċjali wasal meta Stephen Mangion daħħal il-boċċa s-sewda finali biex jikkonferma t-titlu u jġib it-10 kampjonat għall-klabb.
Sadanittant fil-finali tal-Challenge League, San Ġwann Tiki Taka Spartans ħarġu rebbieħa kontra t-tim żagħżugħ ta’ Hamrun 147 B b’rebħa ta’ 11–9. Kien il-veteran Brian Grech li wera l-esperjenza tiegħu u ssiġilla r-rebħa għal San Ġwann Tiki Taka Spartans meta daħħal il-boċċa finali.

