Friday, November 15, 2024

Ħamrun Ħanin u CSR Malta Association jħabbru ftehim ta’ kollaborazzjoni

Aqra wkoll

Ħamrun Ħanin, organizzazzjoni volontarja impenjata biex tuża l-qawwa tal-isport biex tindirizza sfidi fil-komunità u CSR Malta Association, NGO dedikata biex tappoġġja ż-żgħażagħ, l-inklużjoni, l-ambjent u l-innovazzjoni soċjali ħabbru ftehim kollobarattiv fuq proġetti ta’ interess soċjali.

Din is-sħubija għandha l-għan li ġġib flimkien l-għarfien u r-riżorsi taż-żewġ entitajiet biex jinħolqu inizjattivi b’saħħithom li jħalllu impatt fis-soċjetà u li jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva, isaħħu l-inklużjoni soċjali u jagħtu rwol akbar lill-ġenerazzjoni żagħżugħa. B’ħidma bbażata fuq il-valuri komuni tagħhom, Ħamrun Ħanin u CSR Malta Association iridu jwasslu bidla pożittiva fil-komunità.

Ħamrun Ħanin għal dawn l-aħħar sentejn ħadmet biex tuża opportunitajiet li joffri l-isport u l-imħabba għal-logħba tal-ballun biex tindirizza temi li jaffettwaw is-soċjetà u tippromwovi aktar inklużjoni, speċjalment tal-membri vulnerabbli. L-inizjattivi li organizzat sa mit-twaqqif tagħha diġà ħallew impatt b’saħħtu fuq għadd ta’ familji u individwi.

CSR Malta Association min-naħa l-oħra rnexxilha b’suċċess tħajjar aktar żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom f’ċittadinanza attiva u provdiet opportunitajiet biex huma jikbru b’mod personali u soċjali.

Iċ-Chairman ta’ Ħamrun Ħanin, Ian Debattista qal “Ninsabu ferm kuntenti li se naħdmu id f’id ma’ CSR Malta Association. Din is-sħubija se ssaħħaħ l-isforzi tagħna favur soċjetà aktar inklussiva permezz tal-qawwa li għandu l-isport. Nemmnu li billi ngħaqqdu l-ħiliet tagħna flimkien, nistgħu nħallu impatt ikbar fuq il-ħajja tal-individwi fil-komunità tagħna”.

Jacob Mati, f’isem CSR Malta Association qal: “Huwa ta’ sodisfazzjon għalina li wasalna għal dan l-ewwel stadju fil-kooperazzjoni tagħna ma’ Ħamrun Ħanin permezz ta’ dan il-ftehim bejnietna. Nemmnu li l-missjoni u l-valuri taż-żewġ organizzazzjonijiet huma sinkronizzati bis-sħiħ. Din l-alleanza se sservi ta’ mezz li jgħina nwasslu l-isforzi tagħna biex inħallu impatt pożittiv u ngħinu l-komunitajiet ta’ madwarna fil-livell li jmiss”.

Ekonomija

Sport