Saturday, June 7, 2025

Hamrun SC jaffaċċjaw lil ġganti Ewropej fil-Euro Winners Cup 2025

Aqra wkoll

ċ-champions tal-Beach Soccer lokali Ħamrun SC se jkunu qed jipparteċipaw fil-Euro Winner Cup 2025 fil-belt ta’ Nazare fil-Portugall. Huma ġew impoġġija fi grupp F ta’ din il-kompetizzjoni fejn se jkunu qed jaffaċċjaw avversarji qawwija bħalma huma Bavaria Beach Bazis tal-Ġermanja, Copenhagen BSC tad-Danimarka u BSC TSOR tal-Belarus.

L-ewwel avversarju tagħhom għada fl-9.45am se jkunu Bavaria Beach Bazis, li huwa wieħed mill-aktar klabbs magħrufa fil-Ġermanja. Imwaqqaf fl-2014 u bbażat f’Munich, dan it-tim rebaħ il-kampjonat Ġermaniż fl-2024 u kiseb ukoll it-tielet post fl-2021 u r-raba’ post fl-2022. Il-klabb għandu komunità ta’ partitarji leali magħrufa bħala “Bazeria” u jirrappreżenta taħlita ta’ talent, passjoni u identità sportiva soda.

It-tieni logħba se tkun nhar it-Tnejn fid-9 ta’ filgħodu kontra Copenhagen BSC, meqjus bħala l-aqwa tim fid-Danimarka. Imwaqqaf ukoll fl-2014, dan il-klabb jagħti importanza kbira lill-valuri soċjali u jilgħab b’stil ferm aggressiv. Fl-2024 rebħu l-IV Torneo Internacional Alicante City & Beach wara rebħa ta’ 4–1 fuq Marseille Beach Team fil-finali. L-istess sena kisbu wkoll post fil-kwarti tal-finali tal-World Winners Cup f’Alanya, it-Turkija — prestazzjoni li kompliet tikkonferma l-kredenzjali tagħhom fl-Ewropa.

L-aħħar avversarju fil-grupp ta’ Hamrun huwa BSC TSOR tal-Belarussja, tim b’saħħtu u dominanti. Ibbażat fil-belt ta’ Mogilev, dan it-tim rebaħ il-kampjonat tal-Belarus fl-2024 wara li għelbu lil Brest-Volga 5–2 fil-finali. Diversi plejers tagħhom jagħmlu parti mill-iskwadra nazzjonali tal-Belarus li f’dawn l-aħħar xhur kisbet suċċess kbir meta waslet sal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fil-beach soccer tal-2025. Il-logħba se tintlagħab nhar it-Tlieta fil-4.45pm.

L-iskwadra ta’ Ħamrun hi din:

Carmelo Caruana, Lee Joe Schembri, JP Zammit, Juan Bazo, Nezar Abouaisha, Kyle Bartolo, Tobi Hakiti, Antonello Demanuele, Chris Baker, Ryan Caruana, Faisal Alnakua.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport