Hamrun Spartans …..1
Birkirkara ……………0
Minn Cristian Muscat
Il-jum tas-Sibt 10 ta’ Mejju kien ilu mistenni minn bosta. Dan hekk kif immarka l-finalissima tal-Malta Premier League bejn ir-rivali Hamrun Spartans u Birkirkara b’tal-ewwel joħorġu rebbeħa bl-iskor minimu ta’ 1-0.
B’hekk huma rebħu t-tielet kampjonat konsekuttiv … xi ħaġa li qatt ma saret fl-istorja tal-club … u r-raba’ wieħed f’ħames snin fl-era ta’ Joseph Portelli. Dan kien ukoll il-11-il kampjonat mirbuħ minnhom fl-istorja glorjuża tagħhom.
Birkirkara kellhom lil Ignacio Manuel Morello, u Alex Da Paixao Alves neqsin minħabba li għadhom qed jirkupraw minn injury. Nieqes għalihom ukoll kien il-player Gislain Yikpe.
Min-naħa l-oħra Hamrun Spartans kellhom l-iskwadra kollha disponibbli għalihom.
Kien biss fil-35 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Birkirkara jkunu huma li joħolqu l-periklu fejn resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Maxuell Maia kellu xutt fil-baxx minn pożizzjoni angolata salvat minn fuq il-linja mill-Kroat Roko Prsa, bil-goalkeeper tal-Ispartans, Henry Bonello, ikun barra minn postu fit-tentattiv li jinterċetta kull periklu.
Il-partita bdiet tieħu l-ħajja u f’botta u risposta, sekondi biss wara, din id-darba kien imiss lil Hamrun li jersqu qrib il-goal tal-vantaġġ meta l-Brażiljan Raphael Lopes Silva kellu xutt fil-baxx salvat b’siequ mill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara, Giacomo Volpe.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-38 minuta Prsa indirizza cross-shot insidjuż għan-nofs iżda ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun, li finalment intemm barra bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Minuta biss wara, il-coach Taljan ta’ Birkirkara, Stefano De Angelis, kien kostrett jeffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ Kemar Reid, biex minfloku daħal jilgħab Shaun Dimech.
Hamrun reġgħu ħolqu l-periklu fil-50 minuta meta Ryan Camenzuli venven xutt li iżda ntemm għoli.
Huma komplew jippressaw u fit-63 minuta meritatament fetħu l-iskor, meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Joseph Mbong qabeż difensur avversraju, għadda tajjeb lejn ROKO PRSA li minn taħt il-lasti tefa’ l-ballun fix-xibka fost id-dellirju ta’ ferħ tal-partitarji Ħamruniżi.
Wara dan il-goal, ir-ritmu naqas drastikament u kellha tkun azzjoni fil-ħin miżjud li l-Karkariżi resqu ferm viċin li jiksbu d-draw meta minn pożizzjoni angolata, Alex Satariano għeleb lill-goalkeeper Henry Bonello iżda ġie mcaħħad mill-mimduda.
U f’botta u risposta kienu Hamrun li tilfu okkażjoni li jissiġillaw ir-rebħa meta Cesar Menacho għadda tajjeb lejn Raphael Lopes Silva li mill-viċin tefa’ inkreddibilment għoli.
HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 8-Talison Lui Barboza (25-Ederson Bruno Domingos 62), 10-Joseph Essien Mbong, 12-Roko Prsa, 14-Elionay Freitas Da Silva (6-Daniel Letherby 69), 20-Jovan Cadenovic, 27-Ognjen Bjelicic, 28-Redon Mihana (92-Cesar Menacho 87), 91-Emerson Marcelina, 94-Ryan Camenzuli, 99-Raphael Lopes Silva – Coach: Winston Muscat
BIRKIRKARA: 1-Giacomo Volpe, 6-Pablo Leonel Gaitan, 8-Paul Mbong, 9-Kemar Reid (10-Shaun Dimech 39), 13-Tomislav Papazov, 20-Alex Satariano, 24-Leandro Lautaro Lacunza, 25-Neil Micallef (15-Brian Guy Esalo 81), 27-Alessandro Coppola, 59-Stephane Donovan Makoma, 91-Maxuell Maia – Coach: Stefano De Angelis
REFEREE: Ishmael Barbara
ASS. REFEREES: Roberto Vella, Luke Portelli
RABA’ UFF: Slobodan Petrovic
SKORER: R. Prsa 63 (HS)
AMMONITI: J. Mbong (HS)
ATTENDENZA: 9,612