Wednesday, December 25, 2024

Hamrun Spartans jiktbu l-istorja meta jsiru l-ewwel team Malti li jikkwalifika għall-play-offs Ewropej

Aqra wkoll

Levski Sofia……………………..1     

Hamrun Spartans  ……… 2

(wara l-ħin barrani – Aggregate: 2-2) (Hamrun 4-1 bil-penalites)

Hamrun Spartans kitbu l-istorja meta saru l-ewwel team Malti li kkwalifika għall-play-offs ta’ kompetizzjoni Ewropea meta fil-UEFA Conference League għelbu lil Levski Sofia 4-1 wara aggregate ta’ 2-2.

L-Ispartans niżlu bi pjan dixxiplinat u ta’ konteniment u minkejja li fl-ewwel taqsima ftit li xejn resqu lejn il-lasti avversarji, kienu kapaċi li “jifgaw” il-furja ta’ Levski li ħarġu jfittxu goal kmieni biex iserrħu rashom mill-kwalifikazzjoni.

Iżda fit-tieni taqsima ħarġu aktar avventurużi u rnexxielhom jiskorjaw darbtejn biex sfurzaw il-ħin barrani meta sa dak il-ħin l-aggregate kien dak ta’ 2-2.

Wara biss żewġ minuti, Levski fallew ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Emerson Marcelina naqas li jantiċipa l-ballun biex Welton Felipe approfitta … daħal fil-kaxxa iżda l-pass tah wara Ronaldo li kien litteralment żmarkat u jistenna l-ballun biex jiddepożitah fix-xibka.

Grazzi għal dan in-nuqqas, l-Ispartans b’mod gradwali bdew jidħlu fil-partita, bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji u saħan­sitra jikkontrollaw l-andament tal-logħba.

Infatti, kien fl-20 minuta li l-goalkeeper Malti, Henry Bonello, ġie impenjat b’xutt mid-distanza ta’ Welton Felipe li kien wieħed ċentrali. Minuta wara, Juan Carlos Corbolan tilef il-pussess tal-ballun barra l-kaxxa iżda Bonello rrimedja mix-xutt ta’ Filip Krastev.

Fit-28 minuta, Felipe daħal fil-kaxxa b’ħarba perikoluża iżda l-cross tiegħu ġie nnewtralizzat minn Roko Prsa. Ħames minuti wara kien imiss lil Wanderson Tsunami li jixħet cross insidjuż iżda Bonello kien puntwali biex ħataf qabel Bilal Bari seta’ jagħmel xi forma ta’ ħsara.

Iżda minuta wara, il-Bulgari resqu viċin meta Andrian Kraev xeħet bir-ras lejn Tsunami li minn pożizzjoni ċentrali b’daqqa ta’ ras b’saħħitha ra lil Bonello jsalva li kien megħjun mill-mimduda.

Fit-tieni taqsima ftit li xejn rajna azzjonijiet lejn il-lasti rispettivi minħabba li ż-żewġ settijiet ta’ players bdew jannullaw lil xulxin fi tliet kwarti ta’ ground.

Madankollu, fit-78 minuta, l-Ispartans fetħu l-iskor meta mill-cross ta’ Camenzuli, Matthew Guillaumier venven first timer li l-goalkeeper, Nikolay Mihaylov, salva parzjalment u mir-rebound il-midfielder Ħamruniż xeħet fix-xibka.

Iżda fil-91 minuta, Levski kisbu d-draw meta minn az­zjoni ta’ corner Wanderson Tsunami xeħet fix-xibka. Ftit sekondi wara, Hamrun reġgħu marru fil-vantaġġ meta wara ħarġa ħażina ta’ Mihaylov, Dodo għadda lura lejn Ryan Camenzuli li minn tarf il-kaxxa xeħet fir-rokna tas-saqaf tax-xibka … biex il-logħba kellha tmur fil-ħin barrani.

L-aħjar ċans wasal fil-110 minuta meta Luke Montebello xeħet lejn Dodo iżda quddiem Mihaylov ma laqatx il-ballun. Bir-riżultat jibqa’ ma jinbidilx, kellhom jingħataw il-penalties.

Għal Hamrun skorjaw Freitas, Montebello, Guillaumier u Fe­dele.

 Levski S.: 13-Nikolay Mihaylov, 2-Jeremy Petris (22-Patrick-Gab­riel Galchev 89), 5-Kellian van der Kaap (10-Ivelin Popov 122), 6-Wanderson Tsunami, 8-Andrian Kraev, 17-Welton Felipe (88-Marin Petkov 115), 18-Ronaldo (14-Iliyan Stefanov 89), 19-Bilal Bari, 23-Noah Sonko Sunderg, 30-Filip Krastev, 33-José Cordoba – Coach: Stanimir Stoliov

Hamrun S.: 1-Henry Bonello, 3-Eder Domingos (10-Dodo 85), 6-Matthew Guillaumier, 12-Roko Prsa (20-Matteo Fedele 118), 14-Rodrigo Callegari, 27-Ognjen Bjelicic (17-Vinicius Freitas 120), 28-Juan Carlos Corbolan (7-Luke Montebello 106), 35-Igor Nedeljkovic (9-Elvis Mashike 72), 63-Jonny Torres (22-Mousa Balla Sowe 72), 91-Emerson Marcelina, 94-William Camenzuli – Coach: Branko Nisevic

Referee: Istvan Kovács (Rumanija)

Assistenti: Vasile Florin Marinescu, Ovidiu Artene (Rumanija)

Raba’ Uffiċjal: Andrei Chivulete (Rumanija)

Skorers: M. Guillaumier 78, R. Camenzuli 92 (HS); W. Tsunami 91 (LS)

Ammoniti: J. Corbolan, O. Bjelicic, R. Callegari, Dodo, M. Sowe (HS); W. Felipe (LS)

Ekonomija

Sport