Saturday, December 28, 2024

“Ħareġ illiberat … aħna ħallasna l-ispejjeż … ħlewlna l-ħin u daħku bina f’wiċċna”

Tirreaġixxi b’rabja għas-sentenza tal-Qorti fuq każ ta' moħqrija ta' żwiemel

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Hu ħareġ illiberat filwaqt li bħala NGO kellna nieħdu ħsieb iż-żwiemel u nkopru l-ispejjeż kollha involuti mingħajr ma rċevejna l-ebda fondi. Mhux hekk biss għax spiċċaw ħlewlna l-ħin nixhdu fil-Qorti.” Iddikjarat dan Korin Farrugia minn RMJ’s Horse Rescue b’reazzjoni ta’ rabja għal mod ta’ kif ġew trattati fil-Qorti.

Iż-żwiemel kif instabu

Farrugia hija rinomata għall-għajta tagħha favur il-ġustizzja mal-annimali, b’mod speċjali bil-ħidma tagħha u l-bqija tal-Għaqda Mhux Governattiva li tmexxi li ssalva żwiemel minn ħalq il-mewt li jintbagħtu barra mill-pajjiż biex jibdew ħajja ġdida f’ambjent li jixirqilhom.

Iż-żwiemel wara li ġew ikkurati…

Illiberat fost l-oħrajn minħabba nuqqas ta’ provi li hu sidhom

Intant fis-sentenza tagħha l-Qorti lliberat lil Oswald Scicluna minn kull ħtija wara li tressaq il-Qorti mixli b’moħqrija tal-annimali.

Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, il-prosekuzzjoni spjegat li żewġt iżwiemel instabu minn żewġ uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali wara li sarilhom rapport. Iż-żwiemel instabu fl-1 ta’ Mejju tas-sena l-oħra f’farmhouse fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja li rriżulta li hi ta’ missier Scicluna.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur  Elliot Magro tat deskrizzjoni tal-istat li nstabu fih iż-żwiemel li jienu magħlubin u f’kundizzjoni ta’ saħħa ħażina. Madanakollu qalet ukoll li l-post kien adegwat għaż-żamma tagħhom fosthom minħabba l-art mrammla, l-ispazju li kellhom u anke l-fatt li kellhom post fejn jistkennu. 

Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkonkludiet li waqt l-ispezzjoni l-imputat ma ngħatax dritt għal assistenza legali mill-uffiċjali. L-akkużat ġie lliberat mill-akkużi għax intqal li d-dikjarazzjonijiet inkriminanti magħmula minnu ma jistgħux jitqiesu li saru minn jeddu. Il-Qorti nnotat ukoll li ħlief għall-fatt li l-post fejn kienu qed jinżammu ż-żwiemel huwa ta’ missieru, m’hemm ebda prova oħra li torbot lill-imputat maż-żwiemel.

Ekonomija

Sport