Sunday, December 22, 2024

Ħarsa eqreb lejn il-Pensjoni taż-Żewġ Terzi

- Jikteb is-Segretarju Ġenerali GWU Josef Bugeja

Aqra wkoll

Il-passaġġ tal-ħajja tal-bniedem ilu għaddej minn trasformazzjoni sinifikanti, u dan wassal għal rivalutazzjoni tal-kunċett tal-irtirar. Hekk kif in-nies qed jgħixu aktar fit-tul, fejn fil-każ ta’ Malta, l-irġiel qed jgħixu sa 80 sena u n-nisa sa 85, l-ippjanar għall-irtirar sar aktar importanti u essenzjali minn qatt qabel għal ħajja diċenti u ta’ kwalità wara l-irtirar mid-dinja tax-xogħol.

Għalhekk jeħtieġ bidla fundamentali fil-mod kif l-irtirar jiġi perċepit – mhux bħala punt ta’ tmiem iżda bħala kapitlu ġdid, eċċittanti u sinifikanti fil-vjaġġ tal-ħajja. Għadda dak iż-żmien fejn l-irtirar kien meqjus bħala t-tmiem milli wieħed ikompli jagħti kontribut fis-soċjetà, meta persuna tibda tnaqqas minn dak kollu li kienet tagħmel.

In-nies illum qed jgħixu aktar fit-tul b’saħħithom u infatti r-riċerka qed tissuġġerixxi li persuna li llum għandha 65 sena qed turi kundizzjonijiet ta’ saħħa, xewqat u aspirazzjonijiet simili għal dawk ta’ persuna ta’ 50 sena fis-snin tmenin, li jkun għad fadlilha 11-il sena oħra fl-impjieg tagħha.

Illum il-ġurnata, il-persuni rtirati jħarsu lejn il-bqija ta’ ħajjithom bħala perjodu mimlija opportunitajiet għal tkabbir personali, involviment fil-komunità, u żmien fejn jistgħu jsegwu l-passatempi li jkunu warrbu minħabba r-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja. Huma jistennew ukoll li jżommu l-istess kwalità tal-ħajja li gawdew qabel l-irtirar.

Dan jiddependi minn fattur kardinali wieħed: il-punt sa fejn ippjanaw. Is-sigurtà finanzjarja tagħhom biex jilħqu l-għanijiet u l-aspirazzjonijiet finanzjarji tagħhom matul dan il-perjodu. Fil-pajsaġġ soċjoekonomiku li qed jinbidel malajr, wieħed irid jaħseb sew għas-sigurtà finanzjarja fl-irtirar.

Tajjeb li wieħed ifakkar li r-riformi fis-sistema tas-sigurtà soċjali fl-1979 stabbilixxew kuntratt soċjali li jiggarantixxi pensjoni taż-żewġ terzi sal-limitu massimu li dak iż-żmien kien identifikat bħala s-salarju tal-President ta’ Malta. Permezz taż-żewġ terzi, jew 67% tal-pensjoni marbuta mas-salarju tal-President offrew dħul tajjeb ħafna.

Madankollu, din ir-relazzjoni bejn il-garanzija taż-żewġ terzi u l-paga tal-President ma nżammitx primarjament minħabba li s-sistema tal-pensjonijiet tal-1979 ma pprovdietx għal mekkaniżmu li jippermetti li d-dħul massimu tal-pensjoni jiżdied awtomatikament fl-istess livell li bih kien jiżdied is-salarju tal-President. Bejn l-1979 u l-2006, id-dħul massimu tal-pensjoni żdied b’€1,747 biss – jew €64.7 fis-sena.

Matul dak l-istess perjodu, il-paga medja żdiedet għal ħafna drabi, aktar u aktar is-salarju tal-President u dan kien ifisser li d-distakk bejn id-dħul li jinkiseb mill-impjieg u d-dħul mill-pensjoni kiber dejjem aktar. Fl-istess hin, matul iz-zmien il-valur tal-flus naqqas minhabba l-inflazzjoni. Tajjeb li jingħad li l-inflazzjoni tnaqqas il-purchasing power tal-pensjonant.

Ir-riformi tal-pensjonijiet f’Malta matul is-snin raw kif isolvu din il-problema billi fittxew li jistabbilixxu dħul adegwat li jipprovdi lill-irtirati bil-kwalità tal-ħajja li jixtiequ u mbagħad jistabbilixxu kif jista’ jinkiseb dan.

Ekonomija

Sport