Fl-Islovakkja l-Ministru għall-Anzjanità, Attiva Jo Etienne Abela, kellu laqgħat ta’ diskussjoni dwar il-ħarsien u l-kura tal-anzjani fosthom anke dwar il-kunċett tal-anzjanità attiva.
Fil-bidu taż-żjara tiegħu fir-reġjun ta’ f’Banská Bystrica l-Ministru Abela ltaqa’ mal-President ta’ dan ir-reġjun, Ondrej Lunter, fejn ġie diskuss il-proġett li qegħdin jaħdmu fuqu tal-“Assistive Tracking Devices”. Il-Ministru Abela enfasizza l-importanza ta’ din il-laqgħa fejn ġiet diskussa l-istrateġija li qiegħda tintuża f’dan ir-reġjun favur l-anzjani fil-komunità.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif f’Malta tnediet konsultazzjoni pubblika biex tiġi introdotta din is-sistema. Huwa nnota kif permezz taż-żjara fl-Islovakkja, pajjiżna seta’ jsegwi aktar mill-qrib kemm din is-sistema tista’ tgħin anzjani li jkunu jridu jibqgħu jgħixu fil-komunità iżda fl-istess waqt ikun hemm xi ħadd li jista’ jassisti fi ftit ħin f’każ ta’ emerġenza.
Il-Ministru tal-Anzjanità Attiva Malti temm iż-żjara tiegħu fi Bratislava b’laqgħa mal-Ministru Slovakka, Soña Gaborcakova. Matul din il-laqgħa ġew diskussi temi ta’ interess komuni għaż-żewġ pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kura tal-anzjani b’mod speċjali dwar id-dimensja u kif bl-ideat u l-viżjoni taż-żewġ pajjiżi, tista’ titjieb il-kwalità ta’ħajjet nies b’din il-kundizzjoni ta’ saħħa.
“Hemm ħafna li jgħaqqad lil Malta u lill-Islovakja u aħna komessi li bħala Gvern inkomplu naħdmu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja f’dan is-settur,” temm il-Ministru Abela.
Fil-laqgħat il-Ministru Jo Etienne Abela kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti fl-Islovakja, Dott. Simon Cachia u s-Segretarju Permanenti Christine Schembri.