Monday, December 23, 2024

“Ħassejt emozzjonijiet kbar kif ħabbru li kont irbaħt din il-kompetizzjoni”

Christine Camilleri - Rebbieħa Mrs Malta 2022

Aqra wkoll

Is-Sibt li għadda Gaffiero Productions organizzaw edizzjoni oħra ta’ Mrs Malta 2022 fost titli oħrajn. Numru ta’ rebbieħa rnexxielhom jiksbu dak li xtaqu filwaqt li oħrajn waslu għall-pożizzjonijiet importanti fil-klassifika finali.  

B’kollox ipparteċipaw madwar 60 parteċipant u parteċipanti fejn fost l-oħrajn Christine Camilleri rebħet Miss Malta 2022. 

Christine għandha 30 sena u hi mara miżżewġa fejn hi wkoll omm ta’ tifel ta’ sena u erba’ xhur. Fit-tieni post spiċċat Therese Zammit li kienet qed tirrappreżenta lil Santa Venera filwaqt li Hannelie Van Wyk bħala Mrs Gżira spiċċat fit-tielet post. 

Talk.mt tkellem ma’ Christine Camilleri, rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni. 

“Ħassejt emozzjonijiet kbar kif ħabbru li kont irbaħt din il-kompetizzjoni. Dak il-ħin lanqas ridt nemmen, kont qed naħseb li qed ngħix f’ħolma, iżda kollox kien realta’.” 

“Kont ilni nieqsa mix-xena tal-immudellar għal madwar sitt snin. Irritornajt u għamilt dan bil-kbir. Kienet sorpriża li wara kollox seħħet.” 

Saqsejna lil Christine kif bdiet l-imħabba tagħha lejn l-immudellar. Hi qaltilna li kollox beda meta kellha 13-il sena. Hi tgħid li minn dejjem kien jogħġobha l-palk u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-moda u mal-immudellar. 

“Dak iż-żmien l-immudellar għeni ħafna sabiex noħroġ minn qoxorti minħabba li pjuttost kont tifla kwieta u mistħija.” 

“Minn hemmhekk qatt ma ħarist lura u bqajt għaddejja u ninsab kuntenta u kburija li rrappreżentajt lil Malta f’diversi konkorsi internazzjonali. Madankollu meta żżewwiġt qtajt xi ftit, kelli tarbija sena u erba’ xhur ilu u bir-responsabbilitajiet kollha meħtieġa ma kienx faċli li nkompli.” 

“Issa rġajt irritornajt f’din il-kompetizzjoni li organizza Ivan Gaffiero u nista’ ngħid li ħassejt l-istess emozzjonijiet ta’ ftit tas-snin ilu partikolarment meta kont miexja fuq il-catwalk. Bla dubju li l-esperjenza tatni ċ-ċans nuri dak li naf minkejja li kont ili nieqsa għal ħafna snin. Xejn ma kont qed nistenna li se nirbaħ eżatt mar-ritorn tiegħi iżda dan kollu sar realta’.” 

Minkejja kollox, Christine Camilleri qaltilna li din kienet ukoll l-aħħar kompetizzjoni li ħadet sehem fiha. Hi sostniet li issa pparteċipat f’ħafna konkorsi tas-sbuħija u taħseb li wasal iż-żmien li tħalli ċ-ċans għal ħaddieħor hekk kif hi stess esperjenzat ħafna mumenti sbieħ f’dan is-settur. 

Iżda Christine kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol proprja tagħha, l-immudellar u l-familja? 

“Ovvjament hu importanti li jkollok is-sapport mingħand il-membri tal-familja. Ir-raġel tiegħi kien ta’ spalla għalija f’kull mument u meta jkollok business u fl-istess ħin tifel żgħir, il-biċċa xogħol xejn ma tkun faċli. Madankollu r-raġel tiegħi għeni ħafna u ninsab grata għalih li tani ċ-ċans li nesperjenza dan il-konkors ta’ Mrs Malta 2022.” 

Christine tgħidilna li mudella trid tkun sabiħa mhux biss minn barra, speċjalment għax kif jgħidu l-ewwel li tolqot l-għajn, iżda anke minn ġewwa. Il-mument meta jkun hemm l-intervista mal-mudella, hemmhekk tinduna x’tip ta’ bniedma tkun u kif taġixxi f’ċerti sitwazzjonijiet.  

Christine faħħret l-organizzazzjoni ta’ Ivan Gaffiero, li kienet waħda eċċezzjonali meta tqis li kien hemm madwar 60 parteċipant u parteċipanta għal dan il-konkors.  

“Ivan għandu ħiliet organizzattivi mill-aqwa u bniedem li jaħseb f’kulħadd. Ħadt sehem diversi drabi fil-konkorsi tiegħu u dejjem toħroġ bi tbissima wara avveniment kbir bħal dan. Jien narah maħluq għal dawn it-tip ta’ festivals għax jaf sew x’għandu jsir.” 

Christine Camilleri qaltilna li din is-sena li ġejja hi se tkun okkupata mhux ħażin aktar u aktar għax se tkun dik il-persuna li se żżomm it-titlu ta’ Mrs Malta għax-xhur li ġejjin. Hi qalet li se tkun qed taħdem ma’ Malta Trust Foundation fejn tixtieq tgħin lil tfal b’awtiżmu. 

Meta saqsejniha dwar il-futur tagħha, Christine ikkonfermat li mhux se tieħu sehem aktar f’festivals tas-sbuħija. L-għan tagħha issa hu li tkabbar il-familja, xi ħaġa li tgħożż ħafna.  

Finalment l-aħħar messaġġ ta’ Christine Camilleri, inkurunata Mrs Malta 2022 għal dawk it-tfal u ż-żgħażagħ sew jekk maskili kif ukoll femminili li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar. 

“Qatt m’għandkom taqtgħu qalbkom minkejja li t-triq mhux daqshekk faċli. Ħudu ħsieb li tagħtu ħin għall-immudellar li jgħinek ħafna sabiex iġġib il-kunfidenza fik innifsek. Jekk bħali int mara miżżewġa u ssib is-sapport tal-familja, żgur li tkun tista’ tagħmilha!” 

Ekonomija

Sport