Wednesday, April 24, 2024

Jipproponi taħditiet ta’ paċi bejn iċ-Ċina u l-Vatikan f’Malta

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-eks Ministru Laburista u l-President tal-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina, Reno Calleja, magħruf sewwa x’kuntatti  siewja għandu fiċ-Ċina, ippropona li f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tar-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina biex it-taħditiet ta’ paċi bejn iċ-Ċina u l-Vatikan, għandhom isiru f’Malta. 

Is-Sur Calleja kien qed jigi intervistat f’għeluq sninu nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru, minn żewġ ġurnalisti magħrufa ta’ żewġ gazzetti ewlenin li jiġu ppubblikati fi Guangdong, li hija l-akbar provinċja sinjura fiċ-Ċina.

Fl-intervista, Calleja saħaq għal darba tnejn li hu ma kienx qed jitkellem f’isem il-Gvern Malti iżda bħala l-President tal-Għaqda bejn Malta u ċ-Ċina. “IIlum jien m’għandi ebda kariga fil-Gvern Malti. Iżda lest li ngħin lil pajjiżi fejn tidħol iċ-Ċina,” qal is-Sur Calleja. 

Huwa fakkar li ġab lejn Malta 30 magna tan-nifs biex ikunu salvati ħafna nies mill-virus tal-Covid u eluf ta’ maskri li ġew ippreżentati lill-Ministru tas-Saħħa.

L-intervista saret biex is-Sur Calleja jikkummenta fuq il-Kungress tal-Partit Komunista li se jiftaħ fl-14 ta’ Ottubru li ġej. Hu mistenni li f’dan il-Kungress,  Xi Xinping jerġa’ jiġi kkonfermat bħala l-Mexxej. 

“Hija l-ħolma tiegħi, bħala bniedem li ilni kważi 40 sena naħdem għall-Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina,  li qabel  immut,  nara  li jintlaħaq ftehim sħiħ bejn iż-żewġ pajjiżi u li t-taħditiet għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim, isiru f’Malta” qal is-Sur Calleja

Mistoqsi liema l-aktar parti  ta’ Guangdong  togħġbu, is-Sur Calleja qal li  l-aktar li timpressjonah hi l-gżira ta’ Shanchuan fejn il-ġiżwita San Franġisk Saverju waqqaf kappella biex jikkonverti liċ-Ċiniżi għall-Kristjaneżmu u fejn  jinsab midfun l-istess qaddis.

Meta l-ġurnalisti talbuh biex jgħid x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-kwistjoni taħraq li hemm bejn l-Amerika u ċ-Ċina dwar it-Tajwan, is Sur Calleja wieġeb: “Il-pajjiżi l-kbar  m’għandhomx jinbxu u jipprovokaw lil xulxin iżda għandhom ifittxu d-djalogu biex isolvu kwistjonijiet ta’ bejniethom. 

Is Sur Calleja fakkar lill-ġurnalisti li l-akbar żewġ proġetti f’Malta li fihom għenet iċ-Ċina kemm bi flus u kemm b’għajnuna teknika, kienu l-Baċir numru Sitt magħruf bħala l-Baċir taċ-Ċina l-Ħamra u l-mollijiet tal-Freeport ta’ Marsaxlokk fejn hu kien Ċermen u fetaħ l-ewwel fażi tiegħu flimkien mal-Ministru Wistin Abela, fl-1987.

Is-Sur Calleja fakkar ukoll lill-ġurnalisti kif l-eks Prim Ministru Dom Mintoff tant kellu stima għaċ-Ċiniżi li fl-1978 bagħtu biex jaħti ġieħ ir-Repubblika lill-armla tal-inġinier Xu Hui Zhong li tilef ħajtu traġikament waqt il-bini tal-Baċir Numru 6.

Sport