Friday, May 3, 2024

Il-BOV jaħtar lil Kenneth Farrugia bħala Kap Eżekuttiv ġdid

Aqra wkoll

Fid-dawl li l-kuntratt tas-Sur Rick Hunkin bħala Kap Eżekuttiv tal-Bank of Vallettta jiskadi f’Novembru ta’ din is-sena, il-Bord tad-Diretturi identifika lis-Sur Kenneth Farrugia bħala s-suċċessur għal dan l-irwol. Dan segwa proċess estensiv kemm fuq bażi nazzjonali u kifukoll f’dik internazzjonali sabiex jidentifika l-aħjar persuna possibbli għar-rekwiżiti tar-rwol f’dan l-istadju.

Fil-kapaċità tiegħu ta’ Kap Eżekuttiv, is-Sur Farrugia se jkun parti mill-Bord tad-Diretturi tal-Bank bħala Direttur Eżekuttiv. Il-ħatra tas-Sur Farrugia ssir effettiva malli tirċievi l-approvazzjoni regolatorja.

Is-Sur Farrugia għandu esperjenza vasta fis-settur bankarju u finanzjarju. Huwa ingħaqad mal-Bank of Valletta f’Ottubru tal-1985, u matul dawn l-aħħar 37 sena huwa okkupa diversi karigi għolja fil-grupp bankarju. Fil-preżent huwa jokkupa l-kariga ta’ Chief Retail Banking Officer. Is-Sur Farrugia, Alumni tal-Harvard Business School, huwa responsabbli għas-segmenti tal-klijenti personali u micro-business tal-Bank, u prodotti bankarji u s-servizzi relatati magħhom.

Dr Gordon Cordina, iċ-Chairman tal-BOV stqarr, “Il-Bord jesprimi l-fiduċja tiegħu f’Kenneth u fl-għażla tiegħu għal dan ir-rwol impenjattiv. Il-Bord jinsab lest li jappoġġjah biex iwettaq il-mandat tiegħu, u biex il-Bank of Valletta jilħaq u jaqbeż l-aspettattivi tal-azzjonisti, klijenti, impjegati u partijiet interessati oħra tiegħu. Il-Bord qed jesprimi wkoll il-gratitudni tiegħu lis-Sur Hunkin għas-servizz tiegħu matul l-aħħar tliet snin, speċjalment għat-titjib fil-qasam tal-governanza u t-trasformazzjoni miksuba f’ċirkostanzi straordinarjament diffiċli. Jawgura l-isbaħ xewqat lilu u lill-familja tiegħu.”

F’kumment dwar din il-ħatra, is-Sur Farrugia stqarr, “Inħossni privileġġat u eċċitat li ġejt fdat b’din il-kariga u nistenna bil-ħerqa li naħdem flimkien mal-bord tad-diretturi, u t-tim maniġerjali eżekuttiv biex insostni l-implimentazzjoni ta’ diversi inizjattivi li jsostnu l-ħidma tal-Bank, ewlenin fosthom hemm prijoritajiet regolatorji, kummerċjali u tal-operat li kienu indirizzati mill-predeċessur tiegħi, Rick Hunkin. Ninsab fiduċjuż li flimkien mar-riżorsi umani tagħna, se nkunu nistgħu wkoll inniedu inizjattivi ġodda biex insaħħu t-tkabbir fis-segmenti tal-klijenti personali u kummerċjali tal-Bank bil-għan li nwettqu l-aspettattivi tal-partijiet interessati kollha tagħna.”

Sport