Wednesday, July 24, 2024

Ħati li kellu relazzjoni sesswali ma’ minorenni … u kellhom tarbija

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 22 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti nstab ħati li meta kellu 18-il sena kellu relazzjoni sesswali ma’ tfajla li dak iż-żmien kellha 14-il sena. Minn din ir-relazzjoni kellhom tarbija.

Il-Prosekuzzjoni akkużat lil ġuvni li fl-2020 kkorrompa lit-tfajla, li pparteċipa f’attività sesswali ma’ persuna taħt l-età, li beżżagħha u li ħebb għaliha.

Ir-rapport għand il-Pulizija kien wasal mid-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal fejn kien irraporta li tfajla ta’ 14-il sena kienet qiegħda tistenna tarbija. Mill-ewwel il-pulizija bdiet tinvestiga l-każ u fil-fatt kienu ressqu lil ġuvni l-Qorti. Fil-proċeduri kemm it-tfajla u anke ommha qalu li ma ridhux jixhed kontra l-akkużat.

Rappreżentanta tal-Aġenzija Appoġġ xehdet li t-tfajla kienet tkellmet ma’ professjonisti fejn qaltilhom li kienet qiegħda tistenna tarbija. Minbarra dan hija kienet uriet tħassib minħabba li r-relazzjoni bejnha u bejn il-ġuvni kienet waħda abbużiva.

Hija kienet uriet ix-xewqa wkoll li tibqa’ f’din ir-relazzjoni biex b’hekk tkun tista’ trabbi lit-tarbija miegħu. Kienet qalet ukoll li hu kien qiegħed jgħix magħha fid-dar t’ommha.

Waqt l-interrogazzjoni l-ġuvni kien qal lill-pulizija li kien ilu jkellem lit-tfajla xi sena u 3 xhur u kkonferma li t-tarbija li kienet qiegħda tistenna t-tfajla kienet tiegħu.

Uffiċjal tal-Pulizija qal fil-Qorti li t-tfajla kienet qaltilhom li huma kien illhom x’jaqsmu flimkien b’mod regolari, u dan dejjem sar bil-kunsens tat-tnejn. Kienet qalet ukoll li kienu tkellmu li xtaqu tarbija u fil-fatt irnexxilhom.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit sabet lill-ġuvni ħati ta’ korruzzjoni ta’ minorenni u anke li kellu x’jaqsam ma’ persuna taħt l-età.

Il-Qorti filwaqt li sabitu ħati illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien 3 snin.

Ekonomija

Sport