Wednesday, July 24, 2024

L-ART AGRIKOLA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Illum teżisti kuxjenza fil-pajjiż dwar kif hemm bżonn inħarsu li baqa’ mill-art agrikola. Fil-fehma tiegħi jeħtieġ moratorium “totali” fuq bini f’art agrikola, tkun xi tkun l-intenzjoni ta’ min irid jibni, gvern jew privat. Naf li din tqajjem reżistenzi qawwija. 

Jitqanqlu minn sidien ta’ art agrikola, u minn nies tal-flus li ftit jimportahom fejn se jibnu, l-aqwa li l-investiment irendi.

Għal numru ta’ raġunijiet, ħafna qed jifhmu li l-qerda tal-art se tipiċċa ta’ dannu għal kulħadd. Problema hi li kulħadd lest jaqa’ għat-tentazzjoni li jaqla’ kemxa tajba ta’ flus meta l-art agrikola tal-familja tiġi għall-attenzjoni ta’ żviluppaturi/spekulaturi. Id-danni li l-qerda tal-art ġġib magħha jinsabu fil-futur; il-konfort finanzjarju li jġibulek il-flus li tirċievi mill-bejgħ tal-art hu (kważi) immedjat.

VJOLENZA DOMESTIKA

Ma naħsibx li din hi l-ewwel darba li qed insemmi l-punt imma ma jimportax.

Il-każi ta’ vjolenza “domestika” li qed jiġu rapportati… u li nimmaġina, qed jitqanqlu fil-qrati… donnhom sparaw ’il fuq u bil-kbir, minn Maltin u residenti barranin. Jista’ jkun li hu r-rapportaġġ tal-każi u kif qed jidher li jressaq lejn dil-konklużjoni.

Biss nifhem il-punt ta’ min isostni li xejn ma nbidel minn qabel f’dak li jiġri fid-djar fejn jikkoabitaw il-koppji. Il-vjolenza domestika kienet qawwija qabel u għadha hekk sal-lum. Li qed jiġri issa hu li ferm aktar minn qabel, issaħħet il-kuxjenza dwarha u kontriha. Fl-aħħar, qed tiġi rapportata aktar u qed tittieħed aktar azzjoni dwarha. L-għafsa ta’ dan l-operat trid tibqa’ tinżamm u tiżdied fiż-żmien li ġej.

LOGĦOB BL-IMĦATRI

Il-logħob bl-imħatri minn fuq l-internet telaq b’rankatura bħala industrija f’pajjiżna u baqa’ jiżviluppa qatigħ sal-lum. Dejjem sibtha ftit stramba kif dan bl-ebda mod ma qajjem fostna xi sens ta’ dwejjaq jew tħassib. Anke l-Knisja Kattolika, ta’ spiss daqstant impenjata biex tikkundanna bidliet soċjali li tqis mhux aċċettabbli, donnha ma rat xejn problematiku fil-biċċa. 

Wara kollox, l-industrija tal-imħatri, kemm f’lok fiżiku bħal każino, kemm minn fuq l-internet tista’ toħloq addizzjonijiet u agħar, b’effetti anti-soċjali qawwija. Fejn il-logħob qed jiġi organizzat minn lokal, dawn jistgħu jiġu limitati imma mill-internet, l-istess effetti jimmoltiplikaw ruħhom ma’ komunitajiet sħaħ, kif qed jiġri.

Sadattant, il-kontribut tal-industrija tal-imħatri lill-ekonomija tagħna sar kbir. Numru sostanzjali ta’ barranin qed jgħixu fostna biex iżommuha għaddejja. Għalkemm l-informazzjoni ekonomika u finanzjarja dwarha issa m’għadhiex tinħeba, kif kien jiġri fl-ewwel ħmistax-il sena mill-wasla tagħha, għadna bogħod milli nafu u nifhmu eżatt x’qed ikun l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ das-settur.

Ekonomija

Sport