Wednesday, May 29, 2024

Se jiġu ffinanzjati 7 proġetti ta’ restawr f’diversi knejjes

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li seba’ proġetti ta’ restawr ta’ oġġetti ta’ wirt patrimonjali f’diversi knejjes se jiġu finanzjati permezz tal-Iskema ta’ Finanzjament għar-Restawr.

Din l-iskema titmexxa mill-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni u kienet miftuħa għall-organizzazzjonijiet kulturali u organizzazzjonijiet volontarji. B’kollox, dawn is-seba’ proġetti se jirċievu appoġġ finanzjarju għat-tiswija, restawr, u konservazzjoni ta’ oġġetti ta’ wirt patrimonjali. Dan jinkludi proprjetà kulturali immobbli interna u esterna, bħal altari, dekor arkitettoniku, xogħlijiet tal-arti, dekorazzjonijiet, u elementi oħra.

“Investimenti bħal dawn huma xhieda tal-importanza li nagħtu lil-legat kulturali u artistiku tagħna, f’dan il-każ dak reliġjuż. Impenjati li nkomplu ngħinu lil dawk kollha involuti f’attivitajiet tradizzjonali u kreattivi. Permezz ta’ dawn l-iskemi u inizjattivi qed inkomplu nsaħħu l-infrastruttura kulturali tagħna, f’dan il-każ reliġjuż, li huma parti importanti mill-wirt tagħna kollettiv bħala ġens Malti,” tenna l-Ministru Bonnici.

Is-seba’ proġetti li se jibbenefikaw minn din l-iskema huma:

· Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan – Introibo ad Altare Dei: Restawr u Konservazzjoni tal-Artali fil-Knisja l-Qadima tal-Parroċċa ta’ San Ġiljan

· Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta – Restawr tal-Artal tal-Kappella ta’ Sant’Anna: Knisja tal-Ġiżwiti, Valletta

· Soċjetà Storiko Kulturali Vittoriosa – Konservazzjoni u Restawr tal-pittura tal-Artal tal-Assunzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija

· Fondazzjoni Patrimonju Siġġiewi – Restawr tal-pittura tal-Madonna Immakulata

· Soċjetà Dun Filippu Borgia – Restawr tal-arloġġ fil-Knisja ta’ San Pawl, Birkirkara

· Għaqda Mużikali Sant’Andrija, Luqa – Restawr tal-bibien li jinsabu fil-faċċata tal-Knisja

· Fondazzjoni Wirt Kulturali Vittoriosa: Restawr tal-Bradella tal-Istatwa ta’ San Lawrenz

Intant, il-Ministru Bonnici ħabbar ukoll it-tnedija ta’ skema ġdida, l-Iskema ta’ Finanzjament għar-Restawr – Artefatti Mobbli amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali. Din l-iskema ġdida se tappoġġja applikanti li għandhom bżonn jirrestawraw affarijiet mobbli fil-Knejjes, bħal pitturi, tessuti, statwi, linef u hija miftuħa għall-organizzazzjonijiet volontarji, b’kollaborazzjoni mal-Knisja Parrokjali. L-applikazzjonijiet se jagħlqu fit-2 ta’ Lulju 2024.

Il-Kap tal-Finanzjamenti tal-Kunsill Malti għall-Arti Rita Falzon qalet li permezz ta’ dawn l-iskemi qed jassistu fil-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna. “Dawn it-tip t’inizjattivi jippermettu l-protezzjoni u aċċess kontinwu għal dan il-legat billi nsaħħu l-komunitajiet tagħna sabiex jissalvagwardjaw l-identitajiet lokali kulturali fi ħdan ambjent multikulturali li qiegħed dejjem jevolvi.”

Għal aktar informazzjoni u biex tniżżel il-linji gwida u r-regolamenti għall-Iskema ta’ Finanzjament għar-Restawr – Artefatti Mobbli, żur is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti fuq artscouncil.mt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport