Jinżamm arrestat ir-raġel li spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li allegatament bela’ d-droga waqt kontroll tal-Pulizija

Aqra wkoll

Ħaddiem tal-kostruzzjoni ta’ 40 sena, li nhar il-Ħadd li għadda spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li allegatament bela’ sustanza suspettata droga waqt kontroll tal-Pulizija f’San Pawl il-Baħar, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti l-Ġimgħa.

Lorenc Selimaj, Albaniż residenti San Pawl il-Baħar, qed jiffaċċja sitt akkużi b’rabta mal-inċident li seħħ fil-15 ta’ Novembru fi Triq il-Ħalel.

Fost l-akkużi hemm li hedded u weġġa’ surġent tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijietha, li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubblika u li kellu fil-pussess tiegħu kokaina f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx maħsuba esklussivament għall-użu personali tiegħu.

Huwa ġie akkużat ukoll li kien qed jivvjaġġa f’vettura mingħajr ma kien liebes iċ-ċinturin tas-sigurtà.

Allegatament ta daqqa ta’ ponn lil surġent tal-Pulizija
Fil-Qorti nstema’ kif l-inċident beda għall-ħabta tal-11am tal-Ħadd, meta uffiċjali tal-Pulizija kienu qed iwettqu kontroll tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar.

L-uffiċjali nnutaw vettura riesqa lejhom, li fiha kemm is-sewwieq kif ukoll il-passiġġier ma kinux lebsin iċ-ċinturin tas-sigurtà.

Wieħed mill-uffiċjali informa lill-okkupanti li kienu se jingħataw ċitazzjoni.

Waqt il-kontroll, il-Pulizija nnutaw ukoll ponn tal-ħadid fil-vettura, u għalhekk komplew bl-ispezzjonijiet tagħhom.

L-attenzjoni tal-uffiċjali mbagħad marret fuq Selimaj, li kien qed iżomm borża tal-plastik f’idu magħluqa.

Meta s-Surġent Amanda Azzopardi talbitu jgħaddilha l-borża, huwa allegatament taha daqqa ta’ ponn u kkaġunalha ġrieħi ħfief.

Minn hemm inqalgħet taqtigħa hekk kif il-Pulizija ppruvaw jarrestawh.

Waqt din it-taqtigħa, Selimaj allegatament beda jipprova jqatta’ l-borża tal-plastik bi snienu u rnexxielu jibla’ sustanza bajda mgeżwra fil-plastik, kif ukoll oġġett ieħor li fil-Qorti ġie deskritt bħala wieħed b’forma simili għal remote control.

L-uffiċjali nnutaw ukoll li r-raġel beda jneħħi biċċiet tal-plastik minn ħalqu u jarmihom mal-art.

Minħabba dak li kien seħħ, issejħet ambulanza li ħadet lil Selimaj lejn l-Isptar Mater Dei.

Huwa ġie infurmat li kien taħt arrest, iżda ftit wara li ddaħħal l-isptar, il-Pulizija ġew infurmati li l-kundizzjoni tiegħu kienet marret għall-agħar u li kien jinsab fil-periklu tal-mewt.
Jerġa’ jittieħed l-isptar wara li jilmenta minn uġigħ f’sidru
Il-Qorti semgħet ukoll li wara li Selimaj ingħata l-permess joħroġ mill-isptar, reġa’ ġie arrestat u infurmat dwar l-arrest tiegħu.

Madankollu, meta l-Ħamis l-uffiċjali reġgħu infurmawh bl-arrest, huwa beda jilmenta minn uġigħ f’sidru, u għalhekk ittieħed mill-ġdid l-isptar.

Għalkemm inizjalment l-eżamijiet mediċi ma indikawx problemi immedjati, ittieħdulu wkoll testijiet tad-demm.

Hekk kif il-Pulizija kienu se joħorġu mill-isptar, ġew infurmati li xi riżultati tat-testijiet kienu ħarġu mhux normali u li kien hemm bżonn isiru aktar eżamijiet.

Wara li sarulu aktar testijiet u ngħata l-permess joħroġ mill-isptar, Selimaj ittieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, fejn ittieħditlu stqarrija.
Il-Qorti tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest
Waqt it-tressiq tiegħu l-Ġimgħa, id-Difiża talbet li Selimaj jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Madankollu, il-Prosekuzzjoni opponiet din it-talba.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba u ordnat li l-akkużat jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.

Skont l-akkużi mressqa kontrih, Selimaj allegatament hedded jew offenda lis-Surġent Amanda Azzopardi waqt il-qadi ta’ dmirijietha, filwaqt li kkaġunalha ġrieħi ħfief.

Huwa qed jiffaċċja wkoll akkuża ta’ pussess aggravat ta’ kokaina, minħabba li s-sustanza allegatament instabet f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx intiża biss għall-konsum personali tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll il-konfiska tal-oġġetti esebiti fil-każ jekk l-akkużat jinstab ħati.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabria Gatt, bl-avukat Daniel Tabone jidher f’isem l-Avukat Ġenerali.

L-avukat Christian Camilleri rrappreżenta lill-akkużat.

Ritratt: TVM

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport