Il-Portugall se jaffrontaw lill-Olanda fil-kwarti-finali tal-UEFA Nations League 2026/27 wara li l-Ġimgħa ttellgħu l-poloz f’Nyon, l-Isvizzera, li pproduċiet diversi konfronti interessanti.
Il-poloz ippreżentaw erba’ konfronti mill-aktar attraenti, bl-Ingilterra se tilgħab kontra n-Norveġja, filwaqt li l-Belġju se jaffronta lill-Ġermanja f’konfront ieħor li jwiegħed football ta’ livell għoli.
Spanja, rebbieħa tal-kompetizzjoni fl-2023, se tiltaqa’ ma’ Franza f’konfront bejn żewġ rivali Ewropej.
Intant, il-Portugall u l-Olanda se jerġgħu jiltaqgħu wara li kienu affrontaw lil xulxin fil-finali tal-ewwel edizzjoni tan-Nations League fl-2019, li ntrebħet mill-Portugiżi.
Il-konfront bejn in-Norveġja u l-Ingilterra huwa wkoll wieħed li jispikka. In-Norveġja, immexxija minn Erling Haaland, se tkun qed tfittex li tasal sas-semi-finali għall-ewwel darba, filwaqt li l-Ingilterra tittama li tkompli tavvanza fil-kompetizzjoni.
Ir-raba’ konfront se jkun bejn il-Belġju u l-Ġermanja, b’żewġ timijiet li għandhom players ta’ kwalità għolja u ambizzjonijiet li jaslu sal-fażi finali.
Il-polza ddeterminat ukoll il-mogħdija għas-semi-finali. Ir-rebbieħa tal-konfront bejn l-Olanda u l-Portugall se jilagħbu kontra r-rebbieħa ta’ Spanja u Franza, filwaqt li r-rebbieħa tal-konfront bejn il-Belġju u l-Ġermanja se jiltaqgħu mar-rebbieħa ta’ Norveġja u Ingilterra.
Il-kwarti tal-finali tal-UEFA Nations League
Spanja v Franza
Norveġja v Ingilterra
Olanda v Portugall
Belġju v Ġermanja
*L-ewwel leg jintlagħab bejn il-25 u s-27 ta’ Marzu 2027, filwaqt li t-tieni leg isir bejn it-28 u t-30 ta’ Marzu.
Il-fażi finali tan-Nations League se ssir bejn id-9 u t-13 ta’ Ġunju 2027. Is-semi-finali huma skedati għad-9 u l-10 ta’ Ġunju, filwaqt li l-logħba għat-tielet post u l-finali se jintlagħbu fit-13 ta’ Ġunju.
Il-play-offs tal-promozzjoni u r-relegazzjoni
Il-poloz iddeterminaw ukoll it-tmien konfronti tal-play-offs bejn il-League A u l-League B, kif ukoll bejn il-League B u l-League C.
Play-offs League A/B
– Bosnja-Herzegovina v Danimarka
– Ungerija v Serbja
– Repubblika tal-Irlanda v Kroazja
– Slovenja v Wales
Play-offs League B/C
– Ċipru v Maċedonja ta’ Fuq
– Estonja v Rumanija
– Faroe Islands v Georgia
– Belarus v Iżrael
L-ewwel leg jintlagħab bejn il-25 u s-27 ta’ Marzu, bit-tieni leg isir bejn it-28 u t-30 ta’ Marzu.




