Thursday, April 18, 2024

Ħati li tajjar u qatel turista

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 27 sena minn Birkirkara nstab ħati li tajjar u qatel turista li kienet qed taqsam it-triq fil-Qawra.

L-inċident kien seħħ fis-26 ta’ Ġunju 2011 waqt li Elizabeth Tucknutt Whilems ta’ 77 sena kienet qed taqsam it-triq flimkien ma’ żewġha Maurice li kien sena ikbar minnha.

Hija ntlaqtet minn karozza misjuqa minn Mel Spiteri li dak iż-żmien kien għad kellu biss 18-il sena. 

Il-karozza Mitsubishi, liċenzjata fuq missieru Victor, instabet l-Iklin l-għada b’daqqa fuqha li kienet kompatibbli mal-inċident.

Spiteri kien mixli bil-qtil involontarju tal-mara, b’sewqan traskurat u li naqas li jieqaf meta seħħ l-inċident.

Fost dawk li xehdu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kien hemm Eliza Panzavecchia li dak il-ħin kienet mal-akkużat.

Din ammettiet li l-karozza laqtet lill-anzjana imma sostniet li din baqgħet ħierġa iktar minn ċertu nies oħra.

Xhud ieħor kien Brian Mortimer li dak il-ħin kien qed jaqsam it-triq fejn sostna li ra karozza għaddeja b’veloċità kbira u l-mara tittajjar bil-vettura tibqa’ sejra.

Rapport imħejji mill-esperti tekniċi Mario Buttigieg u Dr Martin Bajada sab li l-karozza kienet qed tinstaq b’aktar minn 100 kilometru fis-siegħa.

Skont il-perit tekniku Vincent Ciliberti l-vittma nstabet madwar 38 metru ‘l bogħod minn fejn żewġha qal li kienu qed jaqsmu.

Wara li semgħet il-provi l-Maġistrat Montebello irrimarkat li għalkemm il-post minn fejn il-vittma u żewġha għażlu li jaqsmu t-triq ma kienx għalqi dan ma jnaqqasx mill-fatt li Spiteri kien qed isuq b’“veloċità kundannabbli” u bi traskuraġni.

Kien għalhekk li waqt li sabitu ħati ikkundannatu 24 xahar ħabs sospiżi għal tliet snin, ikkundannatu jħallas €8,700 f’multi u skwalifikatlu l-liċenzja għal 12-il xahar.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Therese Sciberras u Michael Mallia.

Ekonomija

Sport