Wednesday, April 24, 2024

Malta b’rata ta’ suwiċidju stabbli jew inqas fi żmien il-Covid-19

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn CARMEN CACHIA

Kull ħajja tgħodd u kull waħda mitlufa, b’mod speċjali b’suwiċidju, hija traġedja kemm għall-qraba kif ukoll għas-soċjetà in ġenerali. L-10 ta’ Settembru huwa l-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju fejn barra li nfakkru l-vittmi ta’ suwiċidju, issir ħidma mill-pajjiżi kollha tad-dinja, inkluża f’Malta, biex tkun evitata din it-traġedja. Fil-perjodu inċert tal-pandemija tal-Covid-19 ir-riskji ta’ ħsibijiet bħal dawn żdiedu tant li fix-xhur ta’ Marzu u April il-Crisis Resolution Malta ħabbret li kellha telefonata kull 15-il minuta. 

It-tim tal-Crisis Resolution Malta u l-Aġenzija Support fost l-oħrajn, huma entitajiet li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jgħinu u jnaqqsu n-numru ta’ persuni li jneħħu ħajjithom b’idejhom. Dan is-sit tkellem ma’ Dr Mark Xuereb, psikjatra li jmexxi l-Crisis Teams fejn ħabbar li bħal fil-każ ta’ Tajwan, Malta kisbet riżultati pożittivi fl-ewwel mewġa tal-pandemija globali fejn ir-rata tas-suwiċidju ma żdieditx, anzi stabbilizzat jew naqset. 

Dan huwa kkonfermat mill-Crisis Resolution Malta, l-unika speċjalista fil-qasam tal-prevenzjoni tas-suwiċidju, li grazzi għall-impenn tagħha bħalma ġara f’Tajwan, pajjiżna kien fost l-aqwa fid-dinja li stabbilizza jew naqqas ir-rata tas-suwiċidju u dan minkejja li kien hemm it-theddida tal-Covid-19. Dan, sfortuntament, ma kienx il-każ ta’ pajjiżi oħra fosthom ir-Renju Unit, il-Brażil, il-Litwanja u l-Awstralja fejn ir-rata żdiedet proprju minħabba l-Coronavirus.

“Għala? Stajt nagħmel xi ħaġa?”

L-ewwel mistoqsija li wieħed awtomatikament jistaqsi hija għala tittieħed din il-miżura drastika. Ikun hemm diversi raġunijiet u sitwazzjonijiet diffiċli ferm fil-ħajja li minħabba fihom persuna tikkontempla li ttemm ħajjitha. Lokalment is-solitudni hija waħda mill-akbar fatturi, speċjalment fost l-irġiel ta’ ċertu età. 

Fatturi oħra huma d-dipressjoni, dejn, imħabba li ma tirnexxix, imwiet ta’ għeżież u anke problemi finanzjarji. Is-sena 2020 hija sena partikolari minħabba t-theddida tal-virus qattiel Covid-19. Dan il-virus diġà infetta aktar minn 27 miljun persuna u sewa l-ħajja ta’ kważi 900,000 madwar id-dinja kollha. 

Dr Xuereb spjega li l-ħsibijiet ta’ suwiċidju huma kumplessi u ħafna drabi, mhux dejjem nifhmu għala persuna neħħiet ħajjitha. “Però nafu huwa li hemm affarijiet fix-xjenza li jistgħu jgħinu biex innaqsu d-dieqa li tmur minn ġenerazzjoni għall-oħra ta’ meta persuna tneħħi ħajjitha b’idejha. Importanti li nħarsu lil hinn mill-istatistika u naraw kif kull persuna għandha storja, weġgħa u anke qraba li jsofru,” apella dan il-psikjatra. 

Huwa qalilna li l-karba ta’ għaliex u ta’ x’wieħed seta’ jagħmel biex jevita s-suwiċidju ta’ qarib jew ħabib tkun perpetwa li tista’ minnha nnifisha twassal għal aktar problemi ta’ saħħa mentali, problemi ta’ saħħa fiżika, ta’ qagħad, li persuna tieqaf mill-iskola,  ma tiżżewwiġx, jew li tkun marġinalizzata mis-soċjetà u tikkometti suwiċidju. Din hija wirt minn ġenerazzjoni għall-oħra ta’ wġigħ u ta’ sofferenza perpetwa u għalhekk huwa importanti li nwaqqfu s-suwiċidju. 

“Tbissima sempliċi forsi tfisser ftit għalija u għalik, imma għal min qiegħed jikkontempla s-suwiċidju jista’ jkun l-ewwel pass lejn il-ħajja. Apparti t-800,000 suwiċidji madwar id-dinja kollha, hemm kważi 20 miljun attentati ta’ self harm globalment,” qal Dr Xuereb.

Tbissima u widen lill-miġugħ…

Crisis Resolution Malta kienet minn tal-ewwel li bdiet kampanja kontra l-virus bl-islogan – “Oqtol il-Biżgħa qabel mal-Biżgħa Toqtol Lilek”. Il-Crisis Teams għandhom tliet għanijiet – il-prevenzjoni tas-suwiċidju, trattament akut u terapija għal dawk li skapulaw is-suwiċidju. 

Dr Mark qal li b’għajnejna u widnejna nistgħu nosservaw min huwa mnikket jew mitluq, nieħdu pass aktar viċin lejhom, nifhmu l-uġigħ u npoġġu fiż-żarbun tagħhom, ngħidulhom li nafu li qegħdin ibatu u nagħtuhom tama li hemm id-dawl u li nistgħu ngħinuhom. Kull pass li nagħmlu nistgħu ngħinu biex dik il-persuna tiftaħ il-kuntatt mal-ħajja u mhux mal-mewt. L-ewwel pass huwa tbissima u li tagħti widen lill-persuna. Dan il-psikjatra jemmen li huwa daqshekk faċli li ssalva ħajja.

“Is-sodisfazzjon huwa kbir u jibqa’ miegħek għal ħajtek kollha. Dawn huma l-vera frontliners psikoloġiċi u rridu ngħinuhom speċjalment f’każi ta’ iżolazzjoni tal-Covid-19. Iva, il-Covid-19 għandu impatt fuq ir-rata ta’ suwiċidju. Fil-fatt nikkwota lill-President Murat Khan tal-IASP (International Association for Suicide Prevention) li jgħid li dan l-impatt tal-Coronavirus kellu impatt sinjifikanti fir-rata ta’ suwiċidju mad-dinja kollha u dan anke fost il-care givers. Bejn Marzu u April konna verament invażati bix-xogħol però kburin li, grazzi għan-network ta’ għajnuna 24/7 tagħna, ir-rata tas-suwiċidju lokali baqgħet stabbli u anke niżlet. Però  dejjem inżommu f’moħħna li kull telf ta’ ħajja hija traġedja u kull waħda ma kellhiex għalfejn tintemm b’dan il-mod,” kompla Dr Xuereb. 

Huwa qal li s-suwiċidju jista’ jkun ipprevenut għalkemm mhux dejjem, iżda kważi kollha jistgħu jiġu evitati. Dan jista’ jseħħ b’ċertu għarfien, osservazzjoni u edukazzjoni tan-nies fejn nistgħu nevitaw milli dawn il-persuni fi kriżi jtemmu ħajjithom. 

Preparazzjoni qabel il-mewġa tal-ħarifa u x-xitwa

Aktar minn 300 pajjiżi madwar id-dinja qegħdin jikkolabboraw fl-“International Covid-19 Suicide Prevention Research Collaboration”, li hija alleanza biex josservaw, jikkolabboraw u jgħinu lil xulxin. Din hija ħaġa li qatt ma seħħet qabel fid-dinja u minħabba li jista’ jkun hemm mewġa oħra fil-ħarifa u fix-xitwa li jmiss, il-professjonisti f’dan il-qasam qegħdin jippreparaw ruħhom għaliha. Pajjiżna wkoll qiegħed jikkolabora permezz tal-Crisis Resolution Malta li qiegħed jikkontribwixxi għal din ir-riċerka internazzjonali. 

Din il-kollaborazzjoni tidħol kexxun mal-motto tal-10 ta’ Settembru li fih nikkommemoraw il-prevenzjoni tas-suwiċidju mad-dinja kollha, intitolat “Naħdmu Flimkien Biex Nipprevjenu s-Suwiċidju”. Kampanji oħra li qegħdin isiru għal dan il-għan huma dik li nixgħelu xemgħa fit-8 ta’ filgħaxija u s-“Cycle Around the Globe” fejn in-nies jużaw ir-rota tagħhom biex iduru mad-dinja kollha bil-għan li jikkommemoraw lil dawk kollha li tilfu ħajjithom b’dan il-mod traġiku.

Dr Xuereb fakkar li bħalma hemm WhatsApp chats fil-kamp fiżiku, hemm ukoll WhatsApp chats fil-kamp psikoloġiku b’esperti madwar id-dinja li jaħdmu appuntu għall-prevenzjoni tas-suwiċidju u aħna f’Malta, il-professjonisti tagħna huma midħla ta’ dan iċ-chat biex jipprevjenu s-suwiċidju.

Il-Kap li jmexxi l-Crisis Teams qal li issa n-numri tal-kriżijiet qegħdin jerġgħu jitilgħu minħabba deħlin fil-ħarifa u n-nies qegħdin jerġgħu jibżgħu u dan minkejja li t-theddida mill-virus mhix daqshekk intensiva bħalma kienet f’Marzu u April. 

Dr Xuereb temm jgħid li ma jistax ikollna saħħa tajba mingħajr saħħa mentali tajba u għalhekk importanti li nsaħħu s-servizzi ta’ għajnuna professjonali, li jkun hemm ħidma konġunta internazzjonali u fil-komunitajiet stess biex is-suwiċidju jkun ipprevenut u l-ħajja terbaħ fuq il-mewt. 

Sport