Fid-diskors tiegħu mill-parlament b’rabta mal-legalizzazzjoni tal-kannabis, Bonnici tkellem dwar riforma tal-2015. Fakkar li qabel dik ir-riforma kien hawn sitwazzjoni fejn f’isem il-ġlieda kontra d-droga li jeħtieġ li tkompli, l-awtoritajiet kienu spiċċaw jiġġieldu wkoll kontra l-vittmi nfushom u dawk l-aktar vulnerabbli.
Fl-2015 ittieħdet id-deċiżjoni kuraġġuża li l-ġlieda kontra d-droga tibqa’ iżda mhux kontra l-vittmi li jagħmlu użu minn ammonti żgħar minħabba raġunijiet personali. Min jinqabad kellu konsegwenzi xorta waħda fosthom li tersaq quddiem tribunal u twieġeb iżda tal-anqas jaf ma tmurx l-ħabs.
“Dak iż-żmien kellna ħafna għaqdiet li kienu kontra. NIftakarni mmur fil-premjazzjoni tal-Karitas ta’ dawk li ħarġu mill-vizzju u nisma’ ħafna kritika, iżda llum hawn ħafna li qegħdin jgħidu li din il-liġi kienet tant għaqlija”, kompla l-Ministru.
Tkellem dwar koppja żgħażagħ li f’jum san valentinu kienu krew kamra f’lukanda u minħabba li għamlu użu mill-kannabis spiċċaw arrestati. Fost dawk li kienu kritikaw din id-deċiżjoni kien hemm l-MEP Roberta Metsola, it-Tenur Joseph Calleja u persuni oħrajn li l-Ministru tenna li għandu rispett kbir lejhom.
“Hawn min għandu l-idea li persuna li tagħmel użu mill-kannabis hija persuna li mhijiex tal-affari tagħha. Dak li jgħidulu stigmatizzazzjoni. Ir-realtà hija li hawn ħafna u ħafna nies li għandhom karigi importanti ħafna li jagħmlu użu mill-kannabis. Mela ejja ntemmu darba għal dejjem din ir-rabta bejn il-kriminalizzazzjoni u min jagħmel użu responsabbli mill-kannabis”, kompla Bonnici.