Il-Ministru għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju Julia Farrugia laqgħet grupp ta’ żgħażagħ membri tad-Down Syndrome Association Malta għal laqgħa informali fil-Jake Vella NGO Hub.
Din l-attività saret bħala parti mill-attivitajiet marbuta ma’ World Down Syndrome Day, li tiġi mfakkra kull sena fil-21 ta’ Marzu, biex jitqajjem aktar għarfien dwar id-Down Syndrome u biex tiġi promossa soċjetà aktar inklussiva.
Il-laqgħa kellha l-għan li toħloq spazju sigur u miftuħ fejn iż-żgħażagħ jistgħu jaqsmu l-esperjenzi u l-ideat tagħhom, b’mod partikolari dwar il-ħbiberiji, l-inklużjoni u l-isfidi li xi drabi jwasslu għal sentimenti ta’ solitudni. Matul id-diskussjoni, iż-żgħażagħ ġew imħeġġa jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u jaqsmu suġġerimenti dwar kif il-komunità tista’ tkompli ssaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà.
Din l-inizjattiva hija wkoll kontinwazzjoni tal-ħidma tal-Down Syndrome Association Malta biex tippromwovi s-self-advocacy fost iż-żgħażagħ bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome. Permezz ta’ diversi programmi u attivitajiet, l-għaqda tgħin lill-membri tagħha jiżviluppaw kunfidenza, ħiliet ta’ komunikazzjoni u l-abbiltà li jitkellmu dwar id-drittijiet u l-esperjenzi tagħhom stess.
Matul is-snin, l-assoċjazzjoni wettqet diversi inizjattivi importanti, fosthom programmi ta’ empowerment u self-advocacy għaż-żgħażagħ, attivitajiet soċjali li jsaħħu l-ħbiberiji u l-indipendenza, kif ukoll kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex jinbidlu l-perċezzjonijiet fis-soċjetà dwar il-potenzjal ta’ persuni bid-Down Syndrome.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru Julia Farrugia spjegat li, “Fil-qalba tal-politika tagħna hemm il-prinċipju li kull persuna għandha tgħix b’dinjità, vuċi u opportunitajiet indaqs. Din il-laqgħa informali maż-żgħażagħ bid-Down Syndrome kienet opportunità importanti biex nisimgħu direttament mingħandhom dwar l-esperjenzi tagħhom, il-ħbiberiji tagħhom u l-isfidi li xi drabi jiltaqgħu magħhom”.
“Huma għandhom ħafna x’joffru lis-soċjetà tagħna, u huwa d-dmir tagħna li nkomplu nibnu ambjent fejn kulħadd iħossu inkluż u apprezzat. Hekk kif nersqu lejn World Down Syndrome Day, irridu nkomplu naħdmu flimkien mal-organizzazzjonijiet u mal-familji biex insaħħu s-self-advocacy u niżguraw li l-vuċi ta’ dawn iż-żgħażagħ tibqa’ tinstema’ b’mod ċar fis-soċjetà tagħna.”
Joeanna Xerri, President tad-Down Syndrome Association Malta qalet li, “Din il-laqgħa kienet opportunità sabiħa biex iż-żgħażagħ tagħna jiltaqgħu f’ambjent informali u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom bejniethom u mal-Ministru. Għalina bħala Down Syndrome Association Malta huwa importanti ħafna li nkomplu noħolqu spazji fejn iż-żgħażagħ bid-Down Syndrome jistgħu jitkellmu b’kunfidenza dwar il-ħbiberiji, l-inklużjoni u dak li jixtiequ jaraw jinbidel fis-soċjetà. Attivitajiet bħal dawn, speċjalment fil-kuntest ta’ World Down Syndrome Day, jgħinu biex il-vuċi tagħhom tinstema’ aktar u biex nibqgħu nibnu komunità aktar inklussiva għal kulħadd.”
Essien Mifsud, żagħżugħ, ta’ 20 sena membru fl-istess għaqda, spjega kif għalih, “Il-World Down Syndrome Day huwa jum importanti ħafna għax jagħtina ċ-ċans nuru min aħna tassew u x’nistgħu nagħmlu. Mhux biss dwar li nitkellmu dwar id-Down Syndrome, imma li nuru lis-soċjetà li aħna wkoll għandna ħolm, talenti u ħafna x’nikkontribwixxu.”
L-organizzazzjoni, li twaqqfet fl-1981 minn ġenituri ta’ persuni bid-Down Syndrome, tibqa’ waħda mill-aktar vuċijiet importanti f’Malta li tħares l-interessi ta’ dawn il-persuni u tal-familji tagħhom, filwaqt li taħdem biex kulħadd ikollu l-opportunità li jgħix ħajja sodisfaċenti u inklussiva fil-komunità.

