Sunday, December 22, 2024

ĦBIEB TAL-ĦBIEB

Aqra wkoll

F’soċjetà ċkejkna ħafna bħal tagħna, diffiċli biex l-affarijiet jitmexxew bla serħan fuq xbieki ta’ ħbieb tal-ħbieb. Mhux biss fil-gvern, kif ħafna jaħsbu, imma wkoll u ġieli forsi aktar, fis-settur privat.

Realistikament, il-problema hi kif tillimita din it-tendenza “naturali” u ma tħallihiex tnawwar kull amministrazzjoni serja. Għax fi kwalunkwe soċjetà, il-meritokrazija tiswa. Fost il-ħbieb tal-ħbieb tista’ ssib nies ta’ għaqal u ħila, imma ta’ spiss wisq issib li jew għandhom waħda biss minn dawn il-kwalitajiet jew l-ebda waħda.

Hu għalhekk importanti li b’xi mod insibu regola dwar kif l-aħjar jiġi kontrollat il-fenomenu tal-ħbieb tal-ħbieb. Mhux billi ninsistu li għandu jiġi totalment projbit u mbagħad nagħlqu għajnejna. B’hekk nispiċċaw bħal fil-każ tad-droga, li suppost hi taħt kontroll totali u filfatt l-użu tagħha baqa’ jinfirex u jinfirex. Ikun aħjar jekk jitpoġġew limiti ċari sa fejn jistgħu jaslu ix-xbieki tal-ħbieb fit-tmexxija publika u privata.

IL-FROĠA FI FRANZA

Talanqas fi Franza l-lemin estrem spiċċa fit-tielet post fil-Parlament, meta kien qed jimmira għal maġġoranza assoluta ħalli jmexxi l-gvern.

Mill-bqija l-qagħda politika Franċiża tinsab imħawda għall-aħħar. L-aqwa grupp politiku fil-Parlament, il-koalizzjoni tax-xellug, xejn mhu sod fil-għaqda bejn il-partiti. Terġa’, wieħed mill-miri essenzjali tal-koalizzjoni se tkun dik li tħassar ir-riforma tal-pensjonijiet li l-President Macron daħħal fil-pajjiż matul l-ewwel sentejn tal-mandat preżenti tiegħu kontra reżistenza qawwija. Kif jista’ l-grupp politiku tiegħu li mill-ewwel familja politika fil-Parlament sar it-tieni wieħed jaqbel li r-riforma titneħħa? Sadattant, bħax-xellugin, il-lemin estrem hu kontra r-riforma.

X’aktarx li ġejja sena jekk mhux aktar ta’ taqlib u taħwid fix-xenarju politiku Franċiż.

DWAR L-IMSIDA

Nannieti kien joqogħodu l-Imsida, uħud minn zijieti baqgħu jgħixu hemm għal snin, u b’hekk segwejt mill-qrib kif żviluppat. Kellha l-istess xorti bħall-Marsa. Maqbuda bejn żewġ borgi kbar (fil-każ tal-Imsida, l-Belt Valletta u Tas-Sliema) spiċċaw passaġġ għal traffiku li dejjem jiżdied.

Ċertament xejn ma għoġbitni l-proposta biex issa fl-Imsida jinbnew flyovers. Il-karattru ta’ dik li darba kienet bajja ħelwa se jitħassar għal kollox, u se jiġi ssiġġillat id-destin ikrah tagħha li sservi ta’ passaġġ għat-traffiku, għal li ġej fil-għoli. Kienet interessanti l-proposta alternattiva tal-Kamra tal-Periti dwar x’jista’ jsir minflok.

Li assolutament ma nistax nifhem hu għaliex dil-proposta tressqet daqshekk tard. Għax veru l-aġenziji responsabbli tal-gvern kienu mxew skont il-proċeduri kollha stabbiliti huma u jmexxu l-proġett ’il quddiem. Mhix ħaġa sew li fl-aħħar minuta, twaqqaf proġett kbir bħal dan – naħsbu x’naħsbu dwaru – meta l-ħidma fuqu tkun saret b’mod miftuħ u korrett.

Ekonomija

Sport