Sunday, December 22, 2024

Ħdax-il pajjiż jissospendu l-għajnuna finanzjarja lil Aġenzija tal-Ġnus Maqgħuda

Aqra wkoll

L-Awstrija saret il-ħdax-il pajjiż li se tissospendi l-għajnuna finanzjarja addizjonali lill-Aġenzija tal-Għajnuna Palestinjana (UNRWA) tan-Nazzjonijiet Uniti wara li ġew żvelati allegazzjonijiet li xi ħaddiema tal-Aġenzija għenu fl-attakk li l-Ħamas wettqu fuq Iżrael f’Ottubru tas-sena l-oħra.

Id-deċiżjoni tal-Awstrija li tħabbret nhar it-Tnejn li għadda ġiet jum wieħed biss wara l-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres biex il-pajjiżi jkomplu jiffinanzjaw l-għajnuna lil dawk il-Palestinjani li kellhom jitilqu minn Gaza u li huma fi bżonn kbir tal-għajnuna umanitarja.

Fid-dawl ta’ l-allegazzjonijiet li ġew żvelati, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Awstrija ħareġ stqarrija fejn sejjaħ lil UNRWA u n-Nazzjonijiet Uniti biex iwettqu investigazzjoni komprensiva, rapida u kompleta dwar l-allegazzjonijiet li tużżana ħaddiema tal-għajnuna kellhom rwol fl-attakk tal-Ħamas ta’ Ottubru fuq Iżrael.

Minbarra l-Awstrija, mill-inqas għaxar pajjiżi oħra, li flimkien jammontaw għal madwar 60% tal-finanzjament lill-UNWRA issospendew il-finanzjament. Dawk il-pajjiżi jinkludu l-Istati Uniti, l-Awstralja, r-Renju Unit, il-Kanada, l-Finlandja, l-Ġermanja, l-Italja, l-Ġappun, l-Olanda u l-Iżvizzera.

In-NOrveġja, filwaqt li esprimiet it-tħassib tagħha għall-allegazzjonijiet stqarret li se tkompli tiffinanzja lill-UNWRA li fissritha bħala linja ta’ salvataġġ għal miljuni ta’ nies kemm f’Gaża u fir-reġjun.

Sadanittant, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti stqarr li l-atti allegati ta’ dawn il-membri tal-tal-istaff se jġorru konsegwenzi, u jistgħu jiffaċċjaw prosekuzzjoni kriminali. Disgħa mill-ħaddiema tal-għajnuna tkeċċew immedjatament, wieħed ġie kkonfermat mejjet u l-uffiċjali qed jiċċekkjaw l-identitajiet ta’ tnejn oħra.

Madankollu, Guterres fakkar fil-ħidma umanitarja li qed iwettqu eluf ta’ nisa u rġiel oħra li jaħdmu għal UNWRA, ħafna drabi f’sitwazzjonijiet diffiċli u b’periklu għal ħajjithom u qal li dawn m’għandhomx ikunu penalizzati. Il-bżonnijiet urġenti tal-popolazzjonijiet iddisprati li jaqdu għandhom jiġu ndirizzati.

Iżrael mill-ewwel ċanfar lil Guterres talli talab biex terġa’ tibda tingħata l-assistenza Palestinjana. Gilad Erdan, l-ambaxxatur tal-istat Lhudi għan-Nazzjonijiet Uniti qal li Guterres wera għal darb’oħra li s-sigurtà taċ-ċittadini tal-Iżrael mhix verament importanti għalih.

Ekonomija

Sport