Tuesday, August 12, 2025

“Ħdejn il-pixkerija kien qed isuq b’veloċità ta’ 98 kilometri”

Tibda l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Benjamin Chetcuti akkużat bil-qtil involontarju ta’ Mildred Azzopardi

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Benjamin Chetcuti, żagħżugħ ta’ 23 sena mixli bi qtil involontarju ta’ Mildred Azzopardi f’inċident tat-traffiku fl-aħħar tax-xahar li għadda.

Azzopardi kienet mietet fuq il-post fl-età ta’ 62 sena wara li nqabdet bejn żewġ karozzi. Magħha kien weġġa’ wkoll żewġha li wkoll kien jinsab fil-periklu tal-mewt.

L-imputat kien qiegħed isuq il-karozza meta tilef il-kontroll, u baqa’ dieħel f’karozza pparkjata. 

Chetcuti qiegħed jiċħad l-akkużi fil-konfront tiegħu fosthom dik ta’ qtil involontarju, li saq bi traskuraġni u taħt l-influwenza tax-xorb.

Hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni, l-Ispettur Nicholas Vella qal li fuq il-post il-pulizija kienu ddentifikaw lix-xufier tal-karozza bħala Benjamin Chetcuti. Xehed li Benjamin Chetcuti ġie mgħarraf li kien qiegħed taħt arrest. 

Spjega li tteħidlu t-test tal-breathalyser li kien pożittiv 139.2 micrograms filwaqt li kien ittieħed l-Isptar Mater Dei biex ikun jista’ jagħti kampjun tal-awrina. Hu kompla jixhed li waqt li kien qiegħed jiġi mitkellem mill-pulizija, l-imputat għażel li ma jwieġeb l-ebda mistoqsija li saritlu.

L-Ispettur kompla jixhed li l-pulizija hekk kif bdiet l-investigazzjonijiet tagħha raw li fil-viċin kien hemm diversi kameras tas-sigurtà. Qal li minn dawn il-filmat il-pulizija rat kif kien qed isuq l-imputat. 

Spjega li f’dawn il-filmati l-pulizija rat kif kien qed isuq l-akkużat. Qal li l-pulizija kejlet kemm saqet il-karozza ħdejn l-evans building li tkejlet 59 kilometru s-siegħa. Ħdejn il-pixkerija mbagħad il-veloċità tkejlet ftit iktar minn 27 metru s-sekonda li jiġu 98 kilometri s-siegħa filwaqt li fil-Qorti ntwerew filmati tal-ħabta.

Dak il-ħin tal-inċident il-vittma kienet qiegħda tqiegħed xi affarijiet fil-bagoll tal-karozza tagħhom. L-imputat fl-ebda ħin ma ħares lejn il-filmati, tant li hekk kif bdew jintwerew hu baxxa rasu.

It-tieni xhud f’dawn il-proċeduri kien l-espert forensiku Mario Scerri li qal li mill-awtopsja rriżulta li l-vittma kellha emoraġija interna, kellha ħafna ksur tal-għadam u mietet kawża tal-impatt vjolenti.

Xehed li r-raġel tal-vittma, issa ħareġ mit-Taqsima tal-Kura Internsiva, iżda għadu għandu ġrieħi gravi. Dr Scerri qal ukoll li meta ħa eżami tal-awrina tal-akkużat Benjamin Chetcuti irriżulta negattiv għad-droga.

Xhud ieħir kien Reeves Cini li fil-ħin tal-inċident kien fuq il-post. Hu xehed li kien ħdejn il-qanpiena tal-Belt, u x’ħin induna li kien ġara xi ħaġa niżel jiġri ħdejn il-pixkerija. 

Hu qal li hemm sab lil Benjamin. Kien hawn li ġie mistoqsi kif sejjaħlu b’ismu… fejn ix-xhud qal li jafu għax ġieli sellmu lil xulxin il-Belt. Ix-xhud qal quddiem il-Qorti li staqsieh jekk għandux bżonn xi ħaġa, fejn l-imputat qallu li għandu bżonn jixrob xi ħaġa.

Cini kompla jixhed li hu mar id-dar minħabba li jgħix fil-qrib u ġablu xi ħaġa x’jixrob. Qal li hekk kif induna b’dak li kien seħħ ħa l-akbar qata’ ta’ ħajtu. Reeves qal li Benjamin qallu li tilef il-kontroll fil-kisra u baqa’ dieħel ġo karozza. 

Kien hawn li l-avukat Franco Debono li qiegħed imexxi d-difiża staqsa lil Cini jekk jikkonfermax l-imputat kien f’sensih x’ħin kellu. Ix-xhud qal li ma kienx mitluf minn sensih, imma kien taħt xokk qawwi.

Xhud ieħir kien Simon Bartolo li dakinhar li seħħ l-inċident kien fil-kamra tiegħu ħdejn il-baħar qrib il-pixkerija. Qal li hu għandu kamra fis-swar filwaqt li xehed li sema karozza ġejja xkanata u kif waslet fid-dawra ra li l-karozza ħaditu minn wara u baqa’ dieħel f’karozzi pparkjati.

Bartolo qal li hu ra mara mal-art u kien hemm persuni li kienet qiegħda tipprova tagħtiha CPR.Qal li ra s-sewwieq akkużat konfuż u semgħu jitkellem li ħaditu l-karozza u tilef il-kontroll.

Xhud ieħor kien is-Surġent Damian Galea mit-taqsima Road Policing. Qal li l-Pulizija kienu ġew informati li kien seħħ inċident u kien hemm min weġġa’ gravi. Qal li l-ewwel tagħrif li wasal kien li kien hemm raġel maqbud f’karozza.

Hu xehed li hekk kif wasal fuq il-post ra diversi vetturi tal-emerġenza u kommossjoni sħiħa.

Is-Surġent xehed li ra lir-raġel tal-vittma kien għadu kemm inħareġ mill-karozza u kien jidher ċar li jinsab f’qagħda kritika. Hu kien qiegħed jingħata l-ewwel għajnuna minn diversi infermieri u tobba.

Kompla jixhed li hekk kif l-ambulanzi telqu minn fuq il-post sar it-test tal-breathalyser fuq l-akkużat.

Qal li hi prassi li l-pulizija tar-roads policing qed jieħdu l-breathalyser, apparti minn hekk qal li kien hemm min qal li Benjamin Chetcuti kellu riħa ta’ xorb. Is-surġent qal li t-test tal-breathalyser wera li kien iktar minn 5 darbiet milli suppost.

Il-Qorti qalet li hemm biżżejjed provi biex l-imputat jitqiegħed taħt att ta’ akkużi.

Il-każ se jkompli jinstema’ nhar it-30 ta’ Settembru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport